Lokali

Il-Kunsillieri Laburisti jmorru kontra r-rieda espressa mill-poplu Luċjan dwar proġett massiċċ fil-lokalità – Liam Sciberras

Fil-jiem li għaddew fil-lokalità ta’ Santa Luċija l-Kunsill Lokali Santa Luċija kkummissjona stħarriġ tal-opinjoni pubblika dwar proġett massiċċ maħsub u propost li jsir fl-inħawi ta’ Dawret it-Torri, Vjal l-Oleandri u Triq il-Bogonja.

Ir-residenti ntalbu jesprimu l-opinjoni tagħhom jekk iridux jew le dan il-proġett li jsir u rriżulta li 53.5% ivvutaw kontra dan il-proġett, 33.6% favur tiegħu u 12.9% bla opinjoni.

Issa, quddiem l-opinjoni u l-għażla espressa mill-poplu Luċjan, jirriżulta li l-erba’ membri Laburisti fil-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija, jiġifieri s-Sindku Charmaine St. John, il-Viċi Sindku Frederiċk Cutajar, u l-Kunsillieri Terrence Ellul u Kylie D’Amato, jidher li se jmorru kontra r-rieda tal-poplu biex jissoktaw bil-proġett.

Dan hu att anti-demokratiku bl-aktar mod sfaċċat, apparti mill-fatt li bl-imġiba tagħhom s-Sindku Charmaine St. John, il-Viċi Sindku Frederiċk Cutajar, u l-Kunsillieri Terrence Ellul u Kylie D’Amato se jkunu qed jarmu l-flus tal-poplu wżati għal dan l-istħarriġ u wkoll ix-xogħol li għamel Dr Vincent Marmara li dawn il-membri Laburisti fil-Kunsill qed juru li m’għandhomx fiduċja fix-xogħol tiegħu.

Dwar dan kollu tkellimt ma’ Liam Sciberras, li hu l-Minority Leader f’isem il-Partit Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija.

Liam Sciberras beda biex jikkwota lil Michael Moore, artist Amerikan, jgħid li: “L-ebda deċiżjoni m’għandha qatt tittieħed mingħajr ma ssir il-mistoqsija, dan huwa għall-ġid komuni?”

Hu fisser li l-kunflitti interni fi ħdan il-Partit Laburista qed itellfu l-ħidma għall-ġid komuni tar-raħal ta’ Santa Luċija.

Mistoqsi kif u mitlub jispjega dak li qed jgħid, Liam Sciberras fisser li b’maġġoranza ta’ erba’ siġġijiet għall-Partit Laburista, liema maġġoranza ħadha lura fl-2019, hu stenna li l-Partit Laburista se jkun qed juri lill-poplu Luċjan għaliex il-poplu Luċjan għandu jivvota lill-Partit Laburista fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali fl-2024 u mhux lilu l-ewwel wieħed u lil sħabu fil-lokalità f’Santa Luċija qed juruhom li ma jistgħux jafdawhom għaliex l-interessi tagħhom jiġu qabel dawk tal-lokalità.

“Irrid nibda billi ngħid li jiena bniedem sportiv; bniedem li nħobb nirrikrea ruħi fl-isport. Immur kważi kuljum il-gym u allura naf x’inhu s-sinifikat u l-ġid tal-isport.

“Jiena favur kull investiment sportiv għax jien sportiv però ma nista’ qatt nivvota favur xi ħaġa meta l-maġġoranza assoluta tan-nies (53.5%) ivvutaw kontra dan il-proġett.”

Kull Sindku, Viċi Sindku u Kunsillier Lokali, mhux qiegħed hemm biex iwettaq dak li jrid hu u li jogħġob lilu biss, iżda dak li jrid iċ-ċittadin li vvutalu u eleggih biex jirrarpreżentah.

Hawnhekk tkellimna dwar x’inhu r-rwol tal-Kunsill Lokali u Liam Siciberras fissirli li l-Kunsill Lokali jrid jitkellem għan-nom tar-resident u jiddefendi l-ġid komuni kif espress meta l-membri tiegħu jkunu ħadu l-ġurament darba eletti fl-istess Kunsill Lokali.

Dan ifisser li l-membri tal-Kunsill Lokali għandhom l-obbligu kostituzzjonali li jkunu leali lejn ix-xewqat tal-poplu darba dawn ix-xewqat huma leġittimi.

Imma mhux talli ma għamlux hekk, talli l-Kunsillieri laburisti għażlu li jiġu jaqgħu u jqumu u ħadu lill-poplu Luċjan forgranted (għax hemm maġġoranza qawwija ta’ iktar minn 76% li teleġġi l-Kunsillieri Laburisti) u ħasbu li jistgħu jiddieħku bil-poplu Luċjan u jibqgħu jivvutawlhom.

Kemm sejrin żbaljati. Nista’ ngħid li kienu l-ħafna – u nirringrazzjahom minn hawnhekk – in-nies, anke tal-ebda interess politiku u anke min politikament ma jaqbilx magħhom, li talbuni għal darba ohra li nirrappreżentahom fil-Kunsill Lokali f dan it-tradiment lejn ir-rieda tal-poplu Luċjan fuq din l-applikazzjoni (liema applikazzjoni m’għandhiex ċans nidħol fid-dettall biex nispjegaha u ma nħossx li hu kompitu tiegħi li nispjegaha ġaladarba hemm kollox fuq il-Planning Authority site – PA/ 06394/21).

Mistoqsi x’ġara nhar il-Ħamis, 22 ta’ Ġunju 2023, Liam Sciberras fisser li l-Kunsillieri kollha kemm huma ttradew lis-76% tal-poplu Luċjan li avdawlhom il-vot tagħhom, liema responsabbilità hija kbira wisq u niddubita kemm jifhmu x’jiġifieri!

Mitlub jispjega, Liam Sciberras fisser li hu mhux xi persuna li jallega, u mhux l-istil politiku tiegħu li jgħid l-affarijiet b’mod mhux ċar. Il-Kunsillieri Laburisti ta’ Santa Luċija, ,jiddispjaċini ngħid, huma nies bla rieda politika, għax għażlu li jinħbew wara paraventu demokratiku (survey) wara li possibbilment ħasbu lir-riżultat tas-survey ma kienx se jkun kif fil-fatt ħareġ!

Jien tgħallimt li fid-dinja ma tistax tħobb lil Alla u lix-xitan flimkien, u jekk tipprova tagħmel hekk, se tispiċċa ma tinġieb minn hadd. Dan qed ngħidu għaliex nifhem li bil-pożizzjoni tiegħi ma nistax nirrapreżenta lill 100% però naf li qed nirrappreżenta l-ġid komuni kollu tar-raħal ta’ Santa Luċija u ħadd ma jista’ jallega li jien mixtri jew nibża’ nieħu d-deċiżjonijiet iebsa favur ir-raħal.

Filwaqt li qal li kellu jkun hu li talab biex isir stħarriġ jew referendum fost il-poplu ta’ Santa Luċija, Liam Sciberras fisser li kien tliet xhur ilu meta hu kien talab li jsir dan l-istħarriġ biex hekk ikun jista’ jsir mingħajr għaġla żejda.

“Qed ngħid dan għaliex għandi xi ftit esperjenza dwar dan ix-xogħol, iżda l-maġġoranza tal-Kunsill għażlet li tkaxkar saqajha biex tieħu pożizzjoni fuq din l-applikazzjoni; biex ma tfuħx u anqas tinten.

“Il-maġġoranza talKunsill li għażel tinħeba wara dan l-istħarriġ li sewa lill-poplu Luċjan xejn inqas minn €3,500 għaliex kif diġà spjegajt il-maġġoranza tal-Kunsillieri ta’ Santa Luċija – inkluż is-Sindku Charmaine St.John, anke jekk qalet li għandha opinjoni differenti iżda meta ġiet għall-mument tal-verità vvotat kontra l-interessi tal-poplu, il-Viċi Sindku Frederick Cutajar u l-Kunsillieri Terrence Ellul u Kylie D’Amato vvutaw b’arroganza kontra r-rieda tal-poplu. Allura dan is-survey spiċċa biex kien ħala ta’ flus ġaladarba ma qadux għar-rieda u d-deċizjoni tal poplu!”

Hu kompla li għalkemm waqt il-laqgħa ċaħad, il-Kunsillier Terrence Ellul, bil-fatti mressqa minnu stess u minn dak li qal hu stess waqt il-laqgħa, bejn l-2020 u t-13 ta’ Ġunju 2023, kellu kunflitt ta’ interess għax kien parti mill-Kumitat tal-Football Club ta Santa Luċija.

Meta saret il-laqgħa pubblika iktar kmieni din is-sena, reġa’ kiser il-liġi għax flok irrekluża lilu nnifsu, attenda għal-laqgħa u saħansitra tkellem favur il-proġett quddiem iċ-ċittadini Luċjani li attendew għal-laqgħa u kiser il-Ligi tal-Kunsilli Lokali dwar kunflitt ta’ interess.

Il-Kunsillieri Laburisti ġabu skuża li vvutaw kontra r-rieda tal-poplu Luċjan għax skont huma, das-survey qarraq bin-nies, però prova ta dan waqt laqgħa sħiħa ma ġabux, u allura mhux ġustifikat li kisru l-Ligi tal-Kunsilli Lokali.

“Jiena ressaqt rapport lil Mario Fava, bħala l-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli, iżda sa llum ma ttieħdet ebda azzjoni kontra dawn il-Kunsillieri Laburisti.”

Saħansitra il-Kunsillieri Laburisti ħaduha kontra ċ-ċittadini Luċjani għax marru jesprimu r-rabja u d-diżappunt tagħhom fuq il-midja soċjali. Xi ħaġa li għandhom dritt kostituzzjonali li jagħmlu. F’pajjiżi demokratiċi qatt ma tisma’ li l-istituzzjoni pubblika tipprova toħnoq il-vuċi tal-pubbliku, u anzi tuża din l-espressjoni tal-kelma bħala skuża biex tirrevoka riżultat ta’ survey ikkummissjonat b’mod demokratiku, hekk kif għamel il-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija.

Hu kompla li mhux talli hekk, talli s-Sindku quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar ivvutat għal darba ohra kontra r-rieda tal-poplu Luċjan u allura l-vot li tat, favur l-applikazzjoni, huwa vot konflinġenti mill-Kunsill Lokali li suppost jirrappreżenta lill-poplu. X’faqar ta’ rieda politika!

Tajjeb li ngħidu li dan is-survey li ġie kkummisjonat lil Dr. Vincent Marmara li hu persuna li lkoll nafu li hu espert f’dan il-qasam, b’mistoqsijiet maqbula mill-Kunsillieri Lokali fejn kull Kunsillier lokali kellu l-opportunità li jitfa’ l-mistoqsijiet tiegħu u mbagħad jirranġahom Dr. Vincent Marmara b’mod oġġettiv u li ġew approvati mill-Kunsill Lokali għaliex il-Kunsill Lokali biss f’materji bħal dawn għandu l-kompetenza li jiddeċiedi!

“Tajjeb ukoll li ngħid li mhux kull Kunsillier Lokali tefa’ l-mistoqsijiet, imbagħad ħalliha li wara qalu li dan is-survey huwa falz! Ardità u arroganza liema bħalha, wara li l-istess Kunsillieri jafu b’dan kollu u tmejlu bir-rieda demokratika tal-poplu Luċjan.”

Kien hemm ukoll min ipprova jallega li dan is-survey qed nikkummissjonah jien, biex itappnu l-oġġetività, u kif taf, jiena mal-ewwel ċħadt dawn l allegazzjonijiet biex is-survey ikun wieħed oġġettiv.

“Ħaddiehor mill-Kunsill, qal li ġara l-istess, did-darba b’mistoqsijiet qarrieqa iżda ma ħareġ l-ebda stqarrija bħali biex japprova dan, u anqas wera ebda prova ta’ dan meta vvota kontra r-rieda tal-poplu Luċjan, biex jiġġustifika l-pożizzjoni tiegħu. U din turi nuqqas ta’ sinsla politika. Faċli tallega fis-siġġu tal-Kunsill għax tinħeba wara l impunità legali, iżda kont jien biss li għamilt din id-dikjarazzjoni minn barra l-laqgħa tal-Kunsill.’

Filwaqt li fakkar li nhar il-15 ta’ Marzu li għadda hu rebaħ kawża legali importanti quddiem il-Prim Imhallef, fejn għal darba oħra hu waħdu kellu jagħmel ix-xogħol kollu tal-Kunsill Lokali; dak li legalment jiddefendi lir-raħal (skont Kap 363 artiklu 33(1)(q) tal-Liġi tal-Kunsilli Lokali), iżda għal darba oħra għax m’hemm l-ebda rieda politika għażel li jintefa’ gallarija.

“Jien m’għandi l-ebda problema niddefendi lil raħli u nara li l-proġetti li jkunu se jsiru huma sostenibbli, u fin-nuqqas ta’ dan wieħed ma jkollu l-ebda triq oħra, ġaladarba għandna Kunsill li ttradixxa lill-poplu, naħdem għall-poplu Luċjan waħdi bħalma għamilt f’dan il-każ, battalji legali li ħadu tliet snin.

Wara li r-riżultat ħareġ – b’sample ta’ 300 telefonata fuq popolazzjoni ta’ ftit inqas minn 3,000 resident – wera li 53.5% tar-residenti huma kontra dan il-proġett, bi 33.6% riduh u 12.9% bla opinjoni.

“Dan ifisser li maġġoranza assoluta, tnejn minn kull tliet residenti, ma jridux dan il-proġett. X’għamlu l-Kunsilliera Laburista? Ivvutaw kontra r-rieda tal-poplu b’arroganza lejn dawk kollha li tawhom il-fiduċja. U żgur li ngħid li dan huwa tradiment lejn ir-resident, sfiduċja totali lejn ir-rieda tal poplu u li jwassal li għandna maġġoranza ta’ Kunsilliera fil-Kunsill li mhux biss qed immorru kontra l-Ligi tal-Kunsilli Lokali, imma issa għandna maġġoranza ta’ Kunsillieri li l-pożizzjoni tagħhom mhux biss mhix iktar tenibbli, iżda m’għandhom l-ebda mandat biex imexxu raħli; raħli li tana identità; raħli li tani kenn nimrah fil-paċi. Ma tridx xejn issa, biex nisimgħu – jekk huma kapaċi jirribattu l-verità – li qed inxewwex għaliex demokratikament qbiżt għar-rieda tal poplu.

“Ngħid hekk għaliex illum, apparti li jiena l-unika Kunsillier li nħoss il-polz tal-poplu, u huwa d-dover legali u politiku tiegħi li nerfa’ r-responsabbiltà li ħaddiehor għoġbu li mhux talli ma jerfax, talli jmur kontra l-istess poplu li eleġġih b’arroganza sfaċċjata; litteralment dittatorjat modern.

“Ma nistax nifhem kif wara li bħala Kunsill qbilna fuq il-mistoqsijiet li għandhom jiġu mwiegba, dawn il-Kunsillieri qed jisfiduċjaw ix-xogħol ta’ Dr Vincent Marmara, irmew il-flus tal-poplu Luċjan u rmew ukoll id-deċiżjoni demokratika tal-poplu Luċjan,” saħaq Liam Sciberras.

Dawn ma kienu ħadd ħlief l-erba’ membri tal-Kunsill… is-Sindku Charmaine St. John, il-Viċi Sindku Frederiċk Cutajar,  u l-Kunsillieri Terrence Ellul u Kylie D’Amato.

Hu temm jenfasizza li kien hu biss li qabeż għall-interessi vera tal-lokalità u r-residenti ta’ Santa Luċija jafu min verament jaħdem għal-lokal mingħajr ebda interess politiku partiġġjan u ta’ dan hu jirringrazzjahom qatigħ.