Uffiċjali militari tal-Punent li qed jevalwaw l-iżviluppi fil-Gwerra tal-Ukrajna qablu li t-truppi Ukreni qed jagħmlu avvanzi ‘żgħar iżda sinifikanti’ waqt il-kontro-offensiva li ilha għaddejja l-ġimgħat u fejn l-Armata tal-President Volodymyr Zelensky qed tipprova tkeċċi lill-qawwiet Russi mit-territorji ta’ pajjiżha.
Madankollu, il-Ġeneral Mark Milley – iċ-Chairman tal-Joint Chiefs of Staff u li hu l-ogħla uffiċjal militari tal-Istati Uniti — wissa li l-kontro-offensiva għandha tieħu fit-tul ħafna u l-Ukreni jridu jippreparw għal ħafna intoppi u ‘telf ta’ ħajja’ sakemm jilħqu t-tragwardi.
Fl-istess ħin, Milley qal li mhux sorpriż bil-fatt li l-kontro-offensiva ma ħaditx l-ispinta mixtieqa, bis-sitwazzjoni għandha titqies bħala waħda relatata għan-natura ta’ din il-gwerra. Iżda l-Ġeneral ukoll qabel li l-avvanzi tat-militar Ukren għandhom jitqiesu bħala żvilupp pożittiv minbarra li jervu ‘ta’ kuraġġ’ għas-suldati ta’ Zelensky.
Skont l-aħħar rapporti, l-Armata tal-Ukrajna qed tavvanza miz-zoni problematiċi li fihom ukoll il-minefields…Zoni li wieħed irid jinnaviga madwarhom fost element kbir ta’ periklu.
U l-Ġeneral Milley qed jikkalkula li l-kontro-offensiva – li l-Ukreni qed jittamaw li tkun deċiżiva għall-gwerra – iddum għaxar ġimgħat oħra bħala minimu u fejn wieħed irid jaċċetta li għandu jinxtered ħafna demm għal kull pass ‘il quddiem mill-Armata ta’ Zelensky.
//= $special ?>