“Dan huwa l-mument li l-ilħna tal-irġiel ma jibqgħux jiddettaw il-ħajja ta’ tfajliet u nisa. L-Awtoritajiet Iranjani jridu jirrispettaw il-libertà tal-espressjoni. Nisa u bniet m’għandhom qatt jibżgħu li jkunu sottomessi għal vjolenza jew saħansitra mewt għaliex sempliċiment jirrifjutaw li jilbsu velu”.
Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt li kien qiegħed jindirizza summit fi Franza bit-tema ta’ solidarjeta u sostenn għar-reżistenza Iranjana sabiex dan il-pajjiż ikollu repubblika demokratika ġdida. Jipparteċipaw f’dan is-summit kien hem fost ohrajn l-eks Viċi President Amerikan Mike Pence u l-eks Prim Ministru Kanadiz Stephen Harper.
Bernard Grech insista li bħala Kap tal-Oppożizzjoni Maltija jikkundanna bla riżervi l-qtil ta’ Masha Amini, iż-żagħżugħa Iranjana ta’ 21 sena li ġiet assassinata mill-Pulizija tal-Moralità Reliġjuża – għaliex ma kinitx liebsa hijab.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li dawn il-miżuri oppressivi huma ta’ min jistemmerhom, u insista li huwa dmir morali li nagħtu appoġġ lil min qiegħed isofri fis-silenzju.

Mijiet ta’ parlamentari u eks politiċi minn madwar id-dinju ħadu sehem f’dan is-summit fejn ġew diskussi l-isfidi attwali fl-Iran u l-kriżi soċjali li dan il-pajjiż għaddej minnha.
Bernard Grech stqarr li l-komunità internazzjonali għandha tingħaqad b’saħħa mal-Iranjani u l-kawża tagħhom bil-għan li verament jittieħdu l-passi neċessarji u jegħlbu lir-reġim li qed iwettaq reati kriminali kontra l-umanità.
Bernard Grech esprima solidarjeta wkoll ma’ Maryam Rajavi, il-Mexxejja tal-Organizzazzjoni People’s Mujahedin of Iran, li qed tinsiti biex twaqqa l-Gvern Iranjan li qed imexxi r-Repubblika Iżlamika.
