“L-allowance tal-Cola m’għandux ikun taxxabli…li l-Gvern għandu jagħti inċentvii fiskali biex jikkumbatti għaż-żidiet tal-għoli tal-ħajja, li nagħmlu fond nazzjonali budget annwali ta’ mill-inqas 40 miljun biex jappoġġja lill-indutrija li timporta jew tesporta u jiddaħħlu aktar inċentivi”.
Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech il-Ħadd filgħodu f’kollegament telefoniku minn Pariġi hekk kif insista li pajjiżna jeħtieġlu direzzjoni ffokata mill-aktar fis, pjan meqjus u rieda politika.
Bernard Grech saħaq fuq Net FM li fil-Gżejjer Maltin u Għawdxin hawn ħafna nies li mhux qed ilaħqu mal-ħajja, b’statistika u studji juru li hawn ‘il fuq minn 100,000 persuna li jinsabu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali.
Għalhekk insista li l-bżar fil-għajnejn u xxinxilli li preżentament qiegħed jimbotta ‘l quddiem Robert Abela m’humiex biżżejjed.
Mistoqsi dwar id-dejn tal-pajjiż li issa qed ilaħħaq id-€9 biljun – il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista li dan id-dejn huwa dovut għal diversi raġunijiet, fosthom għaliex il-Gvern ta’ Abela jinsab niexef mill-ideat – bl-użu ta’ mudell ekonomiku li jrid jinbidel, iżda donnu l-Prim Ministru ma jridx jaf.
Għaldaqstant, b’mudell ekonomiku bbażżat fuq iż-żieda tal-popolazzjoni, bil-Gvern iroxx it-taxxi tal-poplu fil-bwiet tal-qalba – Bernard Grech saħaq li minflok qiegħed jgħin lil min qiegħed isofri, Abela qed jagħżel li jkompli jissostanza t-taxxa tal-korruzzjoni.
Huwa ddeskriva n-nefqa ta’ aktar minn miljun ewro b’rabta mal-aħħar film festival bħala abbuż ċar ta’ fondi pubbliċi.
Dan filwaqt li diversi setturi jinsabu fuq għarkuptejhom…b’għalliema li jitilqu mis-settur tal-edukazzjoni, studenti li ma jridux isiru infermieri u żgħażagħ li jridu jitilqu mill-pajjiż.
Intant, nhar il-Ħamis il-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed iressaq mozzjoni sabiex il-Gvern isejjaħ inkjesta pubblika b’rabta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia, iż-żagħżugħ li miet traġikament mirdum taħt il-konkrit ta’ binja f’Kordin f’Diċembru li għadda.
Bernard Grech saħaq li l-Partit Nazzjonalista se jibqa jimbotta l-appell tal-omm sabiex traġedja bħal din ma terġax iseħħ.
Huwa saħaq li jittama li din id-darba l-Gvern immexxi minn Abela jagħmel l-għażla t-tajba u minflok ifixkel il-ġustizzja u l-verità, jivvota flimkien mal-Partit Nazzjonalista.