Lokali

“Nhar il-Ħamis test għal Robert Abela biex juri umanità” – Michael Piccinino

Nhar il-Ħamis li ġej il-Prim Ministru Robert Abela għandu test importanti quddiemu… dak li juri umanità u jaċċetta li tinħatar Inkjesta Pubblika li tagħrbel it-traġedja ta’ Jean Paul Sofia biex hekk jittieħdu l-passi kollha li hemm bżonn u wkoll biex kulħadd jieħu t-tagħlimiet meħtieġa minn dak li ġara f’Diċembru li għadda.

Din id-dikjarazzjoni importanti għamilha Michael Piccinino, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, meta tlabtu jagħtini ftit kummenti dwar id-deċiżjoni tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista nhar it-Tlieta li għadda li ddeċieda li l-Mozzjoni li għandha tkun diskussa nhar il-Ħamis li ġej tkun dik dwar il-ħtieġa ta’ Inkjesta Pubblika dwar il-każ ‘Jean Paul Sofia’.

Michael Piccinino beda biex qal li l-mewta traġika ta’ Jean Paul Sofia hi traġedja li tpoġġi r-responsabbiltà fuqna lkoll li nistabbilixxu x’sar ħażin ħalli l-Istat jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jassigura li ħadd ma jerġa’ jgħaddi mill-istess ġrajja kerha li għaddiet minnha din il-familja.

Dwar it-traġedja ta’ dan it-tfajjel diġà saru ħafna mistoqsijiet li jirrigwardaw diversi aspetti ta’ dak li ġara. Saru mistoqsijiet mill-ġurnalisti, iżda saru wkoll għadd ta’ mistoqsijiet mill-politiċi. Anki l-gazzetta Il-Mument għamlet l-istħarriġ tagħha u għamlet ukoll il-mistoqsijiet tagħha dwar dak il-każ.

Imma hu importanti li dawn il-mistoqsijiet kollha jkunu mwieġba u dan jista’ jsir biss kemm-il darba l-Gvern jaħtar Inkjesta Pubblika li tkun tistabblixxi x’ġara preċiżament u ferm aktar minn hekk.

Hu minnu li qed issir Inkjesta Maġisterjali dwar din it-traġedja, iżda din tista’ twassal biss biex tidentfika jekk hemmx xi ħtija kriminali. Michael Piccinino  fisser li din tista’ twassal biss biex tidentifika lil numru ta’ persuni jekk dawn naqsux kriminalment u għalhekk ikkawżaw din it-traġedja.

Li l-Partit Nazzjonalista qed jinsisti għalih hu preċiżament li titwaqqaf mill-Gvern Inkjesta Pubblika biex hekk l-Istat jagħraf min għandu responsabbiltajiet xi jġorr u fl-istess ħin jinstiltu numru ta’ tagħlimiet li rridu nitgħallmu bħala pajjiż biex dak li ġara ma jerġa’ jiġri qatt u qatt aktar. Għaliex l-ebda familja m’għandha tgħaddi minn dak li għaddiet il-familja ta’ Jean Paul Sofia. Kulħadd jaf kemm omm Jean Paul Sofia għaddiet u għadha għaddejja minn mumenti mill-aktar iebsa u diffiċli.

Michael Piccinino  kompla li bħala pajjiż għandna l-obbligu li jkunu mwieġba l-mistoqsijiet li saru u qed isiru. Fl-isfond ta’ dan kollu allura wieħed jistaqsi għaliex din l-insistenza ta’ Robert Abela milli jaċċetta li jaħtar Inkjesta Pubblika? Għaliex Robert Abela ma jridx li tinħatar Inkjesta Pubblika biex tkun hi li tagħrbel sew dak li ġara? Lil min qiegħed jiddefendi Robert Abela bl-aġir tiegħu? X’verità qiegħed jibża’ li toħroġ Robert Abela?

Naturalment aktar ma Robert Abela jirreżisti milli jħalli li ssir l-Inkjesta Pubblika, aktar għandna ninkwetaw bħala poplu dwar x’hemm aktar ħażin f’dak kollu li kkawża din it-traġedja.

Tajjeb li wieħed japprezza li oriġinarjament din it-talba għal Inkjesta Pubblika dwar it-traġedja ta’ Jean Paul Sofia ma kenitx xi talba tal-Partit Nazzjonalista, iżda kienet talba li saret mill-familja tal-vittma.

Hu fid-dawl ta’ din it-talba li l-Partit Nazzjonalista, bħala partit politiku, għandu l-obbligu li jsemma’ l-vuċi ta’ din il-familja biex hekk toħroġ il-verità kollha.

Hu għalhekk li nhar it-Tlieta li għadda li l-Partit Nazzjonalista, wara li Robert Abela baqa’ jirrifjuta milli jaħtar din l-Inkjesta Pubblika, li ddeċieda li nhar il-Ħamis li ġej iressaq din il-Mozzjoni tal-Oppożizzjoni għal Inkjesta Pubblika dwar il-każ ta’ Jean Paul Sofia.

Filwaqt li rrifera għal kummenti li l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech għamel fuq il-midja soċjali fejn ħeġġeġ lill-membri tal-Gvern biex jivvotaw favur il-ġustizzja u jikxfu l-verità kollha, Michael Piccinino żied li hu importanti li l-Membri Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista jibqgħu  determinati li jsegwu l-verità u jżommu appoġġ qawwi għal Inkjesta Pubblika.

Hu rrifera wkoll għal kumment fuq l-istess midja soċjali minn Isabelle Bonnici, omm Jean Paul Sofia, li rringrazzjat u wriet l-apprezzament tagħha lil kull min qed jagħtiha sapport f’dawn il-mumenti diffiċli, filwaqt li appellat lill-Membri Parlamentari taż-żewġ naħat tal-Kamra biex jivvotaw b’kuxjenza nadifa dwar din il-Mozzjoni biex verament juru li jridu li ssir ġustizzja mal-ħaddiem u maż-żgħir. 

Mistoqsi x’jistenna li se jkun qed jiġri nhar il-Ħamis li ġej darba kulħadd jaf kemm Robert Abela għandu rasu iebsa, Michael Piccinino qal li hu jistenna li Robert Abela jagħmel kuraġġ u juri li ma jibżax milli toħroġ il-verità u hekk hu wkoll jaqbel li tinħatar Inkjesta Pubblika dwar din it-traġedja.

Hu żied li dwar dan il-każ nhar il-Ħamis kull Deputat irid jagħmel eżami tal-kuxjenza u jistaqsi x’kien jagħmel, kif kien jivvota kieku flok Jean Paul Sofia, hemm bħala vittma xi ħadd mill-familjari tiegħu. Kull Deputat irid ikun fuq in-naħa tal-verità.

Mistoqsi dwar l-umanità ta’ Robert Abela, Michael Piccinino qal li hu jittama li Robert Abela juri umanità u ma jerġax jaqsam qalb omm Jean Paul Sofia u jaċċetta li ssir Inkjesta Pubblika.

Tajjeb li nfakkru li Jean Paul Sofia tilef ħajtu f’Diċembru li għadda, wara li spiċċa taħt it-terrapien u l-konkos ta’ erba’ sulari binja f’Kordin li kienet taħt kostruzzjoni… bil-kadavru tiegħu jinstab wara tfittxija ta’ erbatax-il siegħa. Apparti Jean Paul Sofia f’dak l-incident kienu weġġgħu wkoll numru ta’ persuni oħra.

Issa li għaddew kważi seba’ xhur tajjeb li wieħed josserva li l-Pulizija, minkejja li għandhom is-setgħa u kull dover u dmir li jħarsu l-Ġustizzja, għadhom ma arrestaw lil ħadd b’rabta ma’ din it-traġedja.