Għalkemm Robert Abela qed jagħmel ħiltu kollu biex igawdi bl-aħjar mod li jista’ l-ġimgħat tas-sajf li għandu quddiemu, kollox jindika li qed ikomplu jidħlulu aktar flieles ġo moħħu grazzi għal sitwazzjonijiet xejn sbieħ li qed jissoktaw jiżviluppaw kemm fuq livell ta’ Gvern u anki fuq livell ta’ Partit Laburista.
Nhar il-Ħadd li għadda Il-Mument żvela t-theddida tal-Eks Prim Ministru u Eks Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat li kemm-il darba jħoss li Robert Abela jew dawk ta’ madwaru se jarmuh, allura jmur quddiem l-istrutturi tal-Partit Laburista u jitlob vot ta’ fiduċja ħalli jkun jista’ jpoġġi ismu mal-kandidati l-oħra tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew skedata għal Ġunju tas-sena d-dieħla. Il-verità hi li dak ir-rapport pubblikat il-Ħadd li għadda hu veritier sal-inqas dettall u dawk midħla f’ċerti ċrieki interni tal-Partit Laburista jikkonfermawh.
Nistgħu nikkonfermaw li dik l-aħbar xejn ma niżlet tajjeb mal-istess kandidati Laburisti li għaddejjin bil-kampanji rispettivi tagħhom minn xhur ilu bi wħud minnhom imbuttati direttament minn Kastilja jew minn xi Miriam Dalli, oħrajn imbottati minn xi Randolph De Battista, oħrajn imbottati minn xi Keith Schembri u oħrajn imbottati minn xi Ray Azzopardi… għaliex il-bqija se jkunu qed jaħlu ħinhom kemm-il darba jippruvaw itellqu ma’ dawn indikati.
Sorsi infurmati fil-Partit Laburista jistqarru ma’ Il-Mument li l-borma għal din l-elezzjoni partikulari qed tkompli titħawwar sew… jekk mhux tikkomplika ruħha wkoll b’Robert Abela jaf li x-xenarju li qed ikompli jiżviluppa jista’ jwassal biex il-kandidat favorit tiegħu – ċioè Steve Ellul – ikun qed jissogra bil-kbir li jibqa’ l-art.
Diġà ġimgħat ilu kienet din il-gazzetta Il-Mument li żvelat kif b’ordni diretta minn Kastilja u bl-appoġġ tal-Eks Ewroparlamentari Miriam Dalli, twaqqfet l-aġenzija Project Green li għaliha kienu vvutati xejn inqas minn €700 miljun fuq firxa ta’ ħames snin. Naturalment xenarju kollu maħdum bizzilla biex Steve Ellul fit-tmun tagħha u bi dħul ieħor qawwi minn fuq dahar it-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi, ikun jista’ jaħdem biex jakkwista l-voti.
Kif fil-fatt qed jagħmel billi jdur il-Kunsilli Lokali, taparsi jirrinnova l-ġonna u jinawgurahom mill-ġdid… kif għamel fi Ġnien iż-Żgħażagħ fil-Gudja fejn warrab ix-xogħol kollu li kien għamel il-Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ tal-Ġudja b’fondi mill-Aġenzija Żgħażagħ u issa reġa’ fetħu b’lapida ġdida filwaqt li dik oriġinali tas-6 ta’ Ġunju tal-2018 twarrbet fil-ġenb!
Imma lura għall-argument prinċipali… Robert Abela jaf – u dan jirriżultalu wkoll minn stħarriġ intern reċenti li sar mill-Partit Laburista – attwalment fuq quddiem tat-tiġrija fost il-kandidati Laburisti hemm Alex Agius Saliba li hu diġà Ewroparlamentari u hu previst li jkompli jmur tajjeb għaliex anki hu mill-fazzjoni ta’ Joseph Muscat.
Imbagħad hemm l-Ewroparlamentari l-oħra Josianne Cutajar ta’ Għawdex li wkoll tgawdi ċerta popolarità, għalkemm ġara xi ħaġa f’Kastilja u kif irrapportajna ftit tal-ġimgħat ilu, m’għadhiex ben vista magħhom u m’għadhiex imbuttata minnhom. Fil-fatt il-fattur għal dan kollu probabbilment li hu għaliex Josianne Cutajar hi mbuttata mill-Eks Chief of Staff ta’ Kastilja Keith Schembri li llum hu meqjus ta’ imbarazzament kbir għal ta’ Kastilja li xorta jippermettilu jieħu ċerti tenders anki jekk suppost għandu kollox iffriżat u maqbud!
Fit-tielet post tal-istħarriġ intern li għamel il-Partit Laburista fost il-kandidati tiegħu għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ifeġġ l-isem ta’ Steve Ellul b’sogru kbir li jibqa’ l-art jekk Joseph Muscat iwebbes rasu, imur kontro-kurrent u jisfida lil Robert Abela u joħroġ għall-elezzjoni ta’ Ġunju li ġej.
Jiġifieri sitwazzjoni mill-aktar interessanti bl-Ewroparlamentari l-ieħor Cyrus Engerer kollox juri li jinsab fir-raba’ post u kemm-il darba Joseph Muscat jikkontesta din l-elezzjoni, allura m’għandux ċans b’nemes li jerġa’ jkun fdat mid-delegati u mill-partitarji Laburisti bl-istess Ministri u deputati tal-Gvern – wara li spjunalhom dakinhar tal-vot dwar it-Tieni Qari tal-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Abort – ixerrdu l-kelma li dak m’għandux il-kredenzjali biex jista’ jkun fdat… u għalhekk għandu jitħalla barra.
Dan kollu jkompli joħloq tensjoni fit-Tmexxija tal-Partit Laburista għaliex Cyrus Engerer, miżżewweġ lil Randolph De Battista, qed jirriżulta li xejn ma jinżel tajjeb ma’ għadd ta’ ministri u deputati Laburisti li allura se jkollhom ix-xoqqa f’moxtha biex ħelu ħelu jagħmlu miegħu l-kontijiet dwar diversi affarijiet pendenti li għandhom miegħu.
Fil-lista hemm xi kandidati oħrajn, fosthom Clint Flores li hu wkoll assoċjat mat-tim ta’ Joseph Muscat. Clint Flores diġà ngħata l-parir biex jarmi x-xugaman għaliex ta’ Kastilja qed jinvestu fi Steve Ellul u lilu qed jużaw biss biex jgħaqqdu tim ta’ tmienja għal fuq il-ballot paper.
Clint Flores, min-naħa tiegħu ma joqgħodx lura milli jitfa’ l-botti anki permezz tal-mezzi tal-midja soċjali. Hu jaf ben tajjeb li ta’ Kastilja huma inġusti fil-konfront tiegħu… anki jekk mit-Tmexxija taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista jipprovaw jimbottawh biex jikkummenta – Alla jbierek espert dwar kollox – u fl-istess ħin ikunu qed jimlew il-vojt li jkollhom flok jibagħtu lil ħaddieħor!
Fi ftit kliem il-messaġġi li qed jirċievi Robert Abela mhuma xejn ta’ konfort u solliev meta qed jara li d-delegati u l-partitarji Laburisti jmorru għal kandidati oħra, filwaqt li qed iwarrbuh bil-pulit billi lill-kandidat favorit tiegħu mhux jagħtuh preċedenza u importanza fil-kunsiderazzjoni tagħhom ta’ kif se jkunu qed jivvutaw f’Ġunju li ġej.
Diġà rrapportajna l-ġimgħa l-oħra kif bosta ta’ tendenza Laburista qawwija qed jirrikorru għall-midja soċjali u jinkoraġġixxu lil Joseph Muscat biex jagħmel xi tip ta’ come back għaliex l-affarijiet taħt Robert Abela marru l-baħar u fi kliemhom stess l-istess Robert Abela ma jibdiex ma’ ta’ qablu li bena l-partit iżda dan irnexxielu jħarbtu fil-veru sens tal-kelma.
//= $special ?>