Lejliet id-debutt storiku tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena fil-fażi finali tal-Kampjonati Ewropej ta’ din il-kategorija kontra l-Italja, il-kowċ ta’ Malta, Tozé Mendes kellu messaġġ b’saħħtu u ta’ kuraġġ għall-plejers tiegħu.
Il-kowċ Portugiz saħaq fuq l-importanza li f’turnament daqstant importanti u li potenzjalment jista’ jkun ta’ livell ieħor għal Malta, il-plejers tagħna għandhom jiffaċċjaw l-avversarji tagħhom mingħajr biża’ u joħolmu kbir.
Mendes qal li f’din il-kompetizzjoni, lest jaċċetta riżultati ħżiena sakemm it-tim juri kuraġġ u ma jħallix il-biża’ jfixkel il-prestazzjoni tagħhom.
L-eks kowċ ta’ Valletta, tkellem ukoll dwar l-aspett emozzjonali tal-plejers Maltin f’din l-esperjenza unika u memorabbli għaż-żgħażagħ Maltin. Mendes irrikonoxxa li din l-esperjenza, fil-fażi finali ta’ turnament Ewropew, taf tkun kbira għall-istess żgħażagħ iżda enfasiżża fuq il-ħtieġa li dawn l-emozzjonijiet ikunu mentalment u fiżikament indirizzati bil-mod it-tajjeb.
Minn dan l-aspett kellu rwol importanti u dirett, l-eks gowlkiper internazzjonali Malti, Andrew Hogg li llum jagħmel xogħol ta’ Psikologu fl-isport. Flimkien mal-bqija tal-istaff tekniku taħt il-gwida ta’ Mendes, il-plejers kollha fl-iskwadra Maltija qed jaħdmu fuq strateġiji biex jegħlbu dawn l-emozzjonijiet u jibqgħu komposti fuq il-grawnd.
L-ewwel partita ta’ Malta f’din il-kompetizzjoni se tkun għada t-Tnejn, fid-9pm kontra l-Italja fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’Qali.
//= $special ?>