Lokali

Abela għandu jieħu miżuri biex itaffi l-piżijiet tal-għoli tal-ħajja u mhux iwaħħal f’ħaddieħor

Il-Partit Nazzjonalista bi pjanijiet biex l-isfidi tal-għoli tal-ħajja jitnaqqsu.

Dan intqal f’stqarrija mid-deputati Nazzjonalista Albert Buttigieg, il-Kelliem għal Livell ta’ Għajxien aħjar b’impenn kontra l-Għoli tal-Ħajja, u Jerome Caruana Cilia, il-Kelliem għall-Finanzi.

Il-Gvern ta’ Robert Abela għandu jgħin lil tant familji u negozji Maltin u Għawdxin li qed ibatu mill-għoli tal-ħajja u mhux iwaħħal fin-negozjanti u s-sidien tal-ħwienet.

Il-Gvern ta’ Robert Abela għandu jgħin lil tant familji u negozji Maltin u Għawdxin li qed ibatu mill-għoli tal-ħajja u mhux iwaħħal fin-negozjanti u s-sidien tal-ħwienet. Huwa fatt li Malta għandha rata ta’ inflazzjoni ogħla miż-żona Ewro. Agħar minn hekk, daqqa ikbar għaliex l-ikbar rata tinsab fuq l-aktar prodotti essenzjali bħal l-ikel. Din hi pjaga li kuljum qed tgħaffeġ lill-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib tiegħu li l-Gvern ta’ Robert Abela mhux qed jagħmel biżżejjed biex jegħleb l-impatt tal-għoli tal-ħajja fuq il-poplu, b’mod partikolari l-familji u l-anzjani li qed ibatu biex iwasslu sal-aħħar tax-xahar.

Il-Gvern ta’ Robert Abela għandu jnaqqas l-infiq żejjed u bla bżonn li qed ikompli joħloq piżijiet ġodda fuq il-poplu. Tberbiq ta’ flus il-poplu għal riklamar li jippromwovi lill-Ministri, u nfiq żejjed f’konsulenzi u direct orders.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar il-viżjoni tiegħu biex dawn l-isfidi li qed iġġib l-għoli tal-ħajja jkunu mtaffa. Fosthom:

  • Li jinħoloq mudell ekonomiku ġdid b’setturi ġodda li jimmiraw xogħlijiet ta’ kwalità u li jħallsu aktar lill-ħaddiema tagħna;
  • Li l-allowance tal-COLA ma jkunx taxxabbli;
  • Li l-Gvern għandu jagħti inċentivi fiskali biex jikkumbatti għaż-żidiet tal-għoli tal-ħajja;
  • Fond Nazzjonali b’budget annwali biex jappoġġja lill-industrija li timporta jew tesporta u dan biex jagħmel tajjeb għall-impatt tal-għoli tal-ħajja.