L-armata Iżraeljana nediet operazzjoni militari fuq il-kamp ta’ Jenin fit-tramuntana tax-Xatt tal-Punent, fejn bdew b’diversi strajks tad-drones. Filmati ppubblikati fuq il-midja soċjali wrew duħħan tiela’ minn blokka residenzjali.
Il-Ministru tas-Saħħa Palestinjan qal li mill-inqas tliet Palestinjani nqatlu u aktar minn 20 oħra ndarbu fir-rejd li għaddej bħalissa.
Il-Forzi tad-Difiża Iżraeljani (IDF) qalu li kienu qed jolqtu “infrastruttura terroristika fiż-żona ta’ Jenin”.
“Aħna mhux se nieqfu waqt li t-terroristi jkomplu jagħmlu ħsara lin-nies li jużaw il-kamp ta’ Jenin bħala moħba” qalu, u żiedu li l-kamp kien “fortizza terroristika”.
Il-Battaljun ta’ Jenin, umbrella militari li tinkludi rġiel armati minn gruppi Palestinjani Fatah, Hamas u Ġiħad Iżlamiku, qalet: “Aħna ser niġġieldu l-forzi tal-okkupazzjoni sal-aħħar nifs u sal-aħħar balal, u naħdmu flimkien u magħqudin mill-fazzjonijiet u l-formazzjonijiet militari kollha”.
Għexieren ta’ Palestinjani armati u bil-maskri ġew skjerati fl-isqaqien tal-kamp.
Ahmed Zaki, residenti fil-kamp, qal lill-BBC li “kolonni tal-vetturi tal-armata Iżraeljana ppenetraw il-periferija tal-kamp minn diversi toroq”.
Is-sewwieq tal-ambulanza Palestinjana Khaled Alahmad qal: “Dak li għaddej fil-kamp tar-refuġjati hija verament gwerra”.
“Kien hemm strajks mis-sema mmirati lejn il-kamp, u kull darba li nsuqu f’madwar ħamsa sa seba’ ambulanzi, nerġgħu lura mimlija b’nies midruba,” qal lil Reuters.
Ix-xahar li għadda, il-militar Iżraeljan qatel mill-inqas sitt Palestinjani waqt rejd fil-kamp ta’ Jenin, l-ewwel darba fi snin li użaw ħelikopters tal-attakk fix-Xatt tal-Punent.
Seba’ suldati Iżraeljani u uffiċjali tal-pulizija tal-fruntiera ndarbu f’dak l-attakk.
//= $special ?>