Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sostna fil-parlament llum li l-poplu, il-pajjiz u l-istess parlament jistħoqqilhom ferm aħjar; dan wara li l-Prim Ministru Robert Abela kien ilu sena ma jindirizzax lill-parlament fi tmiem summit tal-UE u llum għamel dan bla ma avża lill-Oppożizzjoni f’ħin adegwat minn qabel kif dejjem sar.
Kien propju fil-ħin tal-istqarrijiet ministerajli li l-Ispeaker indika li l-Prim Ministru Robert Abela kellu stqarrija ministerjali x’jagħmel.
Id-deputat Whip tal-Oppożizzjoni Paula Mifsud Bonnici irrimarkat li kien ftit minuti biss qabel li l-Oppożizzjoni kienet informata bl-istqarrija ministerjali mill-Prim Ministru. Dan għaliex ma kinitx l-ewwel darba li l-Prim Ministru, kontra l-prassi parlamentari, ma jagħmilx stqarrija ministerjali wara li jattendi għal xi summit Ewropew.
Il-Prim Ministru qal li dan hu l-ħin tal-istqarrijiet ministerjali u għalhekk kien se jagħmel stqarrija għalkemm sostna li kien minnu li mhux dejjem għamel stqarrija ministerjali wara li jirritorna minn summits Ewropej.
Fl-istqarrija tiegħu l-Prim Ministru qal li dan hu l-ewwel ċans li jagħmel stqarrija ministerajli wara l-Kunsill tal-Ewropa li sar fis-29 u 30 ta’ Ġunju 2023 fi Brussell fejn kienu diskussi l-immigrazzjoni, is-sigurtà, iċ-Ċina u l-Ukrajina fost l-oħrajn. Hu tkellem dwar l-immigrazzjoni u qal li l-ħidma trid issir qabel dawn il-persuni jispiċċaw vittmi taċ-ċrieki ta’ kriminalità.
Il-Prim Ministru qal li l-pajjiż m’għandux jispiċċa għodda f’idejn it-traffikanti u sostna li l-pajjiż ma qagħadtx jistenna s-solidarjetà tasal quddiem l-influssi ta’ immigranti li qed jistenna.
Robert Abela tkellem dwar diversi setturi trattati fis-summit fosthom l-ekonomija, dwar il-mediċini fis-swieq Ewropej u l-aċċess għalih, in-negozji ta’ daqs u medju u s-sitwazzjoni fl-Ukrajina. Il-Prim Ministru sostna li l-pożizzjoni tal-gvern quddiem l-invażjoni Russja fl-Ukrajina, hi li kull kontribuzzjoni sisr fl-isfond tal-prinċipji tan-non-allineament u n-newtralità.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech wieġeb li wara sena, il-Prim Ministru għamel stqarrija ministerjali wara li kien naqas li jagħmel dan fi Frar, f’Marzu u f’Ġunju. Dan hu Prim Ministru li ma jħossx li hu kontabbli u trasparenti mal-poplu u mal-parlament. Dan hu nuqqas serju mill-Prim Ministru, sostna Bernard Gerch.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li mhux aċċettabbli li l-Prim Ministru javża lill-Oppożizzjoni 10 minuti biss qabel jitkellem fil-parlament fi stqarrija ministerjali; “dan il-parlament, dan il-pajjiż u dan il-poplu jistħoqqilhom aħjar bi gvern li jirrispetta lilu nnifsu u lill-poplu”.
Bernard Gerch qal li fl-istqarrija tiegħu, il-Prim Ministru kkonferma li allaħares il-poplu Malti ma sseħibx fl-UE għaliex hu propju fl-UE li Malta tista’ titkellem bid-dritt waqt li tinfluwenza d-diskussjoni għaliex il-poplu Malti mhux poplu tal-makku kif kien jemmen il-PL.
Dwar it-traffikar tal-persuni, hu qal li l-gwerra trid tkun qawwija kontra t-traffikanti kriminali li qed jagħmlu l-flus minn fuq dahar u s-saħħa tal-immigranti. Mhux aċċettabbli li persuni jitilfu ħajjtihom fil-Mediterran, sostna l-Kap tal-PN, li kompla li l-PN jemmen li l-ħajja ta’ kulħadd fiha valur.
Bernard Grech tkellem dwar l-ekonomija u qal li anki hawn, id-diskors tal-Prim Ministru kkonferma kemm kienet importanti s-sħubija ta’ Malta fl-UE; xi ħaġa li l-PL kien tant kontriha.
Dan iseħħ ukoll fl-għajnuna mgħotija lill-ST Microelectronics, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni, li appella lill-Gvern biex imur lil hinn mill-politika taċ-cheap labour u jattira ekonomija tal-valur miżjud.
Dwar il-mediċini, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li fil-pajjiż hawn kumpanija li tieħu ħsieb il-mediċini lejn l-Afrika u l-Lvant Nofsani; dawn il-kumpaniji ilhom jeżistu 20 sena. Hu semma’ l-igaming u qal li jrid ikun assigurat li dan is-settur ma jitlifx operaturi importanti.
Dwar l-Ukrajina, Bernard Grech qal li hu tajjeb li l-Prim Ministru appoġġja l-pakkett tal-UE biex l-Ukrajina tirbaħ kontra l-invażjoni Russa. Hu tajjeb li l-Prim Ministru issa hu konvint mill-appoġġ lill-Ukrajina għaliex fil-bidu tal-gwerra, il-Prim Ministru ma riedx jieħu pożizzjoni li ma jikkooperax mar-Russi li invadew lill-Ukrajina. Hu qal li l-qagħda fit-Tuneżija hi waħda inkwetanti u sostna li l-Oppożizzjoni tappoġġja lill-gvern quddiem din is-sitwazzjoni.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni ta l-appoġġ lill-gvern għall-ħidma fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Maħquda u appella biex fuq kwistjonijiet ta’ natura internazzjonali jkun hemm rieda tajba mill-gvern.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni staqsa x’qed jagħmel il-gvern quddiem in-numru ta’ kumpaniji tal-igaming li qed jitilqu mill-pajjiż u sostna li l-Oppożizzjoni se tkun qed tappoġġja lill-gvern f’din is-sitwazzjoni beix il-pajjiż ma jitlifx lil dawn il-kumpaniji.
Id-deputat Nazzjonalista David Agius appella lill-Gvern biex juri rispett fil-parlament biex il-ħidma issir flimkien. Fil-passat dejjem kien hemm l-informazzjoni mill-gvern meta jkun qed jagħmel stqarrija ministerjali, sostna David Agius, li qal li issa l-gvern m’għadux jemmen fil-politika tal-push back iżda fil-valur tal-persuna.
Hu staqsa lill-Prim Ministru jispjega x’se jagħmel issa l-gvern minħabba li ma kienx hemm dikjarazzjoni fi tmiem is-summit. David Agius staqsa jekk il-Prim Ministru tkellimx dwar l-Air Malta meta s-summit iddiskuta l-ekonomija u x’pożizzjoni ħa l-gvern Malti fil-kuntest tat-tfal Ukreni li qed jittieħdu mir-Russi fl-invażjoni. Hu staqsa jekk l-MOU mal-Libja hux se jitpoġġa fil-parlament.
Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li l-Prim Ministru ilu xhur sħaħ ma jindirizza l-parlament Malti u sostna li dan is-summit sar ftit wara li għerqu 500 persuna barra Greċja.
Hu staqsa kif effettwa dan l-inċident lis-summit għaliex kien hemm diżgwid bejn diversi pajjiżi fuq dan il-każ. Xi rwol ħa l-Prim Ministru f’dan is-summit biex l-Ungerija u l-Polonja ma jieħdux din il-pożizzjoni? staqsa Beppe Fenech Adami, li staqsa wkoll jekk fis-summit kinux diskussi s-sanzjonijiet. Hu staqsa wkoll lill-Prim Ministru dwar il-laqgħat tal-gvern Malti li saru ma’ Haftar fil-kuntest tal-istrateġija tal-gvern Malti dwar il-Libja.
Il-Prim Ministru wieġeb li l-gvern se jagħti garanzija li l-inċentivi għas-settur finanzjarji se jibqgħu provduti. Hu qal li r-ristrutturar tal-Air Malta qed isir mal-Kummissjoni Ewropea fejn il-gvern qed jagħti garanzija li l-pajjiż se jkollu l-linja tal-ajru tiegħu. Il-gvern qed jagħti garanzija fuq l-introjtu u fuq ix-xogħol tagħhom, sostna l-Prim Ministru, li kompla li l-operat mhux interrott.
Dwar il-laqgħa ma’ Haftar, il-Prim Ministru qal li l-gvern iltaqa’ man-naħiet kollha fil-Libja.
//= $special ?>