Fl-aħħar jiem, l-id il-leminija ta’ Chris Fearne, Carmen Ciantar, xehdet dwar l-allegazzjonijet li ħarġu fil-konfront tagħha matul ix-xahar li għadda. Dan hekk kif it-Times qed tirrapporta li Ciantar xehdet fl-inkjesta maġisterjali li qed tinvestiga l-konċessjoni tat-tliet sptarijiet mogħtija mill-Gvern Laburista lil Vitals u Steward Health Care.
Carmen Ciantar kienet issospendiet lilha nnifisha mill-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-FMS, u ċaħdet l-allegazzjonijiet li ħarġu minn rapport fil-media tal-Pakistan, illi hi aċċettat €443,500 minn Gozo International Medicare Ltd li tofforma parti mill-grupp VGH.
Carmen Ciantar qalet li x-xhieda tagħha hija l-ewwel pass sabiex tnaddaf ismiha, filwaqt illi sostniet li issa qed tistenna li ssir ġustizzja magħha u ma’ dawk kollha involuti f’dan l-allegat frame-up.
Wara li ħarġu dawn l-allegazzjonijiet li fi kliem Ciantar twettqu bħala bil-għan li jkissru r-reputazzjoni tad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne…hi kienet bagħtet ittra lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa biex jinvestiga l-allegazzjonijiet – filwaqt li xi jiem wara reġgħet bagħtet ittra oħra lill-Kummissarju titolbu jinvestiga l-allegazzjonijiet fil-konfront tagħha “b’mod immedjajt” .. sabiex jinqabdu dawk li hi irreferiet għalihom bħala “il-forzi tad-dlamijiet” illi kienu l-moħħ wara dak kollu li ħareġ.
Carmen Ciantar resqet ukoll rikors fejn talbet li tixhed dwar l-allegazzjonijet fil-konfront tagħha; xi ħaġa li issa kellha l-opportunita li tagħmel.
Dwar dan kollu – fl-aħħar ġranet, Net News bagħat email lil Carmen Ciantar fejn staqsa jekk il-kummissarju tal-Pulizija ħax passi dwar dawn l-allegazzjonijiet serjissimi fil-konfront tagħha, iżda Ciantar baqgħet ma weġibtx.
//= $special ?>