Internazzjonali

Franza: Lura lejn il-kalma….iżda l-pajjiż irid jagħmel il-kontijiet ta’ wara l-irvellijiet

L-irvellijiet fi Franza jidhru li qed jikkalmaw wara ħamest ijiem u ljieli ta’ protesti vjolenti li qamu wara li uffiċjal tal-pulizija f’distrett ta’ Pariġi qatel ġuvni li injora direttiva biex jieqaf bil-karozza.

Il-qtil tal-adolexxenti Nahel M wassal għall-agħar irvellijiet fl-ibliet Franċiżi għal għexieren ta’ snin fost il-mijiet tal-arresti u vjolenza li rriżultat fi ħsarat inkalkulabbli waqt l-attakki kontinwi tal-folol fuq il-bini u l-proprjetà.

U waqt li fil-lejl tal-Ħadd saru xi 150 arresti oħra mill-pulizija jidher li l-appelli kontinwi għall-kalma qegħdin iħallu riżultat wara kważi ġimgħa sħiħa ta’ tensjoni, Mistenni, issa, li l-pajjiż jagħmel l-almu biex  jirritorna għan-normal wara l-irvellijiet li minn daqqiet laħqu anki l-livell ta’ gwerra ċivili.

Dawn l-irvellijiet, filwaqt li bdew bħala espressjonijiet ta’ rabja għall-qtil ta’ Nahel, infirxu mid-distrett ta’ Nanterre, fejn seħħet l-isparatura, għal bnadi oħra ta’ Pariġi. Fl-aħħar jiem żbruffat ukoll il-vjolenza fi bliet bħal Lyon, Reims, Montpellier, Marsilja u Toulouse.

Is-sitwazzjoni kienet qed toħloq periklu kbir għaċ-ċittadini komuni u fl-aħħar sigħat, is-Sindki tal-ibliet sejħu biex in-nies jorganizzaw ir-rallies quddiem il-bini muniċipali rispettivi biex jipprotestaw kontra l-vjolenza, is-serq sfrenat mill-ħwienet u azzjonijiet oħrajn anti-soċjali li spikkaw waqt id-dimostrazzjonijiet ta’ rabja.

Ir-residenti f’Nanterre, fejn kien jgħix Nahel, qalu li jinsabu kuntenti li l-vjolenza naqset iżda ħeġġew biex l-awtoritajiet Franċiżi jevalwaw bix-xieraq l-inċident li qajjem l-irvell filwaqt li jkomplu jaħdmu fl-interessi tal-ġustizzja,.

Fl-istess ħin, l-Assoċjazzjoni tas-Sindki ta’ Franza innutat li ‘fil-komunitajiet kollha tal-pajjiż li ġarrbu l-impatt tal-vjolenza kien hemm waqtiet fejn il-folol attakkaw speċifikament lis-simboli tar-Repubblika (ta’ Franza)’.

Il-folol tad-dimostranti, li kienu jinkludu l-membri ta’ entitajiet estremisti, lanqas ma żammew lura milli jattakkaw lill-bini muniċipali madwar il-pajjiż u meta hu kalkulat li, b’kollox, ingħataw in-nar lil aktar minn 5,000 vettura waqt l- iljieli vjolenti.