Lokali

“Il-Gvern ta’ Robert Abela jaħraq nofs miljun ewro fuq dgħajjes (RHIBS) ta’ Transport Malta li mhux tajbin għall-baħar” – PN

Il-Partit Nazzjonalista għandu provi ċari li d-dgħajjes il-ġodda (RHIBS) mixtrija minn Transport Malta ma setgħux ibaħħru wara li ġew ikkundannati minn surveyor approvat minn TM stess. Madanakollu TM għażlet li ġġiegħel lill-ħaddiema jkomplu jagħmlu użu minn dawn il-bastimenti mhux reġistrati, mhux liċenzjati anke u meqjusa mhux denja, minkejja li anke l-ħaddiema kienu ġabu dan għall-attenzjoni tal-uffiċjali ftit wara li nxtraw u sar rapport uffiċjali fuq l-istat ħażin ta’ dawn il-basimenti. 

Dan intqla fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tax-Xogħol u Marittimu, Ivan Castillo f’isem il-Partit Nazzjonalista fejn tkompli li r-raġuni għal dan hija sabiex jiżdied l-ammont ta’ sigħat misjuqa mid-dgħajjes biex ma jkunux jistgħu jiġu revokati skont l-ispeċifikazzjonijiet tat-tender. Mhux aċċettabli li l-Gvern ikompli jaħraq fondi pubbliċi mingħajr ma jieħu r-responsabbiltà tal-azzjonijiet tiegħu li issa jistgħu jkunu ppruvati, wisq inqas li uffiċjali li jġiegħlu lill-ħaddiema jagħmlu użu minn dawn il-bastimenti u jpoġġu l-ħajja tal-Maritime enforcement officers f’riskju u kif ukoll periklu għall-pubbliku inġenerali.  

Filwaqt li dan qed jiġi investigat mill-Awditur Ġenerali, il-Partit Nazzjonalista jitlob lill-Ministru u lill-Kap Eżekuttiv biex jagħmlu investigazzjoni interna separata indipendenti biex jidentifikaw kemm-il darba dan it-tender inħareġ qabel ma ntagħżel is-supplier u kif baqgħu jintużaw dawn il-bastimenti u għaliex baqgħu jintużaw.  

Il-Partit Nazzjonalista jesiġi li il-bastimenti li mhux tajba għall-baħar u konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tat-tender ma jintużawx. Bastimenti li mhux tajba jżommu lil dawk kollha kkonċernati responsabbli għar-riskju li jpoġġu fih il-Maritime enforcement officers.  

Il-Partit Nazzjonalista jrid jassigura li jsiru risk assessments skont il-liġi, ta’ kull bastiment qabel ma jiġu użati minn ħaddiema tat-Transport Malta. Dawn inxtraw minn flus pubbliċi u l-pubbliku jixraqlu li jieħu dak li ħallas għalih. Il-Partit Nazzjonalista jrid li żgurat li dawn il-bastimenti jkunu konformi ma’ kull speċifikazzjoni tat-tender qabel ma jintużaw fuq il-baħar u jitħallsu, u jekk dawn ma jkunux konformi mal-offerta, tittieħed azzjoni meħtieġa skont il-kundizzjonijiet tat-tender.