Robert Abela u Clyde Caruana, daharhom mal-ħajt dwar il-falliment kbir tagħhom li b’xi mod irażżnu l-għoli tal-ħajja, issa – permezz tal-Partit Laburista moħbi wara kandidati Laburisti – bdew jattakkaw lin-negozjanti u lil tal-ħwienet u jitfgħu t-tort tal-għoli tal-ħajja fuqhom!
Il-Partit Laburista, bla mistħija ta’ xejn għax ma jafx jistħi, flok jagħraf il-falliment ta’ Robert Abela u Clyde Caruana għall-għoli tal-ħajja, qed jgħid li dak li qed jiġri f’pajjiżna hu kollu tort tan-negozjanti u tal-ħwienet li jridu jiggarantixxu l-profitti tagħhom.
Hu proprju fl-isfond ta’ dan ix-xenarju li tal-Labour feġġew b’logħba oħra qarrieqa minn tagħhom… dik li jużaw kandidati Laburisti biex jitfgħu l-ħtija tal-għoli tal-ħajja fuq in-negozjanti u fuq tal-ħwienet.
Proprju kif għamlu matul din il-ġimgħa li għaddiet meta tal-Labour użaw lil Clint Azzopardi Flores, wieħed mill-kandidati tal-Partit Laburista għall-elezzjoni ta’ Ġunju li ġej għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, biex proprju jitfgħu l-ħtija għall-għoli tal-ħajja fuq in-
negozjanti u fuq tal-ħwienet. Verament politika ta’ qerq li turi li għal tal-Labour ma hemmx limitu ta’ mistħija… l-importanti li jipprovaw jeżoneraw lil Robert Abela u lil Clyde Caruana mill-inkompetenza tagħhom li jindirizza kwistjoni daqstant delikata milli jrażżnu l-għoli tal-ħajja.
Tajjeb li ngħidu li l-kwistjoni tal-għoli tal-ħajja hi kwistjoni li direttament jew indirettament tolqot lill-maġġoranza kbira ħafna tal-poplu Malti u Għawdxi… għajr għal dawk li qed jiffoxxnaw u jieklu b’diversi ħluq taħt il-Gvern ta’ Robert Abela; għajr għal dawk kollha li qed jibbenefikaw mid-direct orders jew impoġġija f’pożizzjonijiet ta’ fiduċja.
Iżda mill-bqija kulmin imur jixtri, b’mod partikulari l-familji u l-anzjani, jafu li l-ħajja fix-xhur li għaddew splodiet ’il fuq u kollox jindika li l-Gvern ta’ Robert Abela m’għandu l-ebda politika ċara kif jista’ jiffaċċja u jikkontrolla problema serja bħal din.
U dan hu rifless ukoll fir-rapport tal-Bank Ċentrali Ewropew – li għalih għamel riferenza Clint Azzopardi Flores – li jgħid bl-aktar mod ċar li l-għoli tal-ħajja qed jonqos madwar l-Ewropa kollha iżda f’Malta l-għoli tal-ħajja baqa’ fl-istess ilma tas-sena l-oħra.
Jirriżulta li l-ħaddiema, l-anzjani u l-familji Maltin u Għawdxin qed jibqgħu jġorru piżijiet kbar kaġun tal-għoli tal-ħajja… fatt li reġa’ kien konfermat anke mill-aħħar statistika Ewropea li turi kif pajjiżna baqa’ fl-istess livell tas-sajf li għadda fejn tidħol ir-rata tal-għoli tal-ħajja.
U minkejja li din, fuq xahar, naqset marġinalment, xorta baqgħet ogħla mill-medja Ewropea.
L-informazzjoni li ħarġet mill-Eurostat turi li l-għoli tal-ħajja f’pajjiżna għadu fl-istess ilma tas-sena l-oħra. Dan meta tqabbel is-sitwazzjoni ta’ Malta f’Ġunju ta’ din is-sena ma’ Ġunju tas-sena l-oħra, wieħed malajr jinduna li l-kriżi tal-għoli tal-ħajja baqgħet eżatt kif kienet.
Dan ifisser li l-prezzijiet tal-prodotti baqgħu għoljin b’riżultat li l-familji Maltin u Għawdxin bilkemm qed ilaħħqu minn xahar għal xahar, tant li qed ikollhom inaqqsu minn affarijiet li qabel kienu jqisuhom bħala parti mill-ħajja ta’ rutina tagħhom.
Fost l-aktar prodotti effetwati miż-żidiet fil-prezzijiet hemm il-prodotti tal-laħam, il-bajd, frott u ħaxix, il-ħalib, il-ħobż, il-ġobon,
prodotti tal-ħasil u anke mediċini… b’dawn kollha jogħlew sew fil-prezz tagħhom.
Meta wieħed iqabbel iċ-ċifri u l-istatistika ta’ dak li qiegħed jiġri f’Malta mal-pajjiżi l-oħra Ewropej jinduna kif f’sena, f’pajjiżna biss ma naqsitx il-problema tal-għoli tal-ħajja.
Minn naħa l-oħra, il-pajjiżi kollha Ewropej raw tnaqqis ta’ mill-inqas 1%. Dan filwaqt li fil-Belġju, il-Greċja, Spanja u l-Lussemburg l-familji kellhom tnaqqis ta’ madwar 10% fl-inflazzjoni!
Sadanittant l-għoli tal-ħajja f’Malta, fuq tnax-il xahar, baqgħet fil-livell ta’ 6.1 fil-mija. Dan meta l-medja Ewropea hi ta’ 5.5%.
Fid-dawl ta’ dan kollu, Robert Abela u l-Ministri tiegħu jibqgħu ma jlissnux kelma waħda biex jindirizzaw il-kwistjoni tal-għoli tal-ħajja li hi waħda ta’ nuqqas kbir ta’ serħan tal-moħħ għall-Maltin u l-Għawdxin li qed jintlaqtu minn dawn il-piżijiet.
Fl-isfond ta’ dan kollu tajjeb li nosservaw li l-Ministru Clyde Caruana, anki fil-Parlament, mhux l-ewwel darba li ammetta li: “Kulħadd jagħmilha x-xirja u ma tistax ma tammethix li l-prezzijiet qed jgħollew.” Iżda minkejja kollox u minkejja ammissjonijiet bħal dawn, il-prodotti jogħlew kienu u jogħlew għadhom bil-piżijiet fuq il-familji u l-anzjani tagħna jkomplu jiżdiedu ta’ kuljum.
Mhux biss, iżda quddiem dawn l-ammissjonijiet u dan l-għarfien, il-Gvern ta’ Robert Abela u Clyde Caruana jibqa’ ma joffri l-ebda serħan il-moħħ u l-ebda soluzzjoni konkreta kif se jibda jindirizza din ir-realtà u kif se jgħin lil-familji Maltin għall-problema serja tal-għoli tal-ħajja.
Dan minkejja li l-problema tal-għoli tal-ħajja u ż-żieda fl-ispiża ta’ prodotti bażiċi qed tkun ta’ uġigħ ta’ ras kbira, kemm għan-nies l-aktar vulnerabbli fis-socjetà bħall-pensjonanti kif ukoll għal dawk il-familji li għandhom dħul medju.
Quddiem dan il-falliment ta’ Robert Abela u Clyde Caruana li huma bla viżjoni kif se jiffaċċjaw il-problema tal-għoli tal-ħajja tajjeb li wieħed ifakkar li għar-rigward tal-għoli tal-ħajja l-Partit Nazzjonalista għandu politika ċara li tinkludi numru ta’ miżuri diretti biex l-għoli tal-ħajja tkun kontrollata, fosthom li:
– Li jissaħħu s-setturi li kien bena u ġab Gvern Nazzjonalista;
– Li jinħoloq mudell ekonomiku ġdid b‟setturi ġodda li jimmiraw xogħlijiet ta‟ kwalità u li jħallsu aktar lill-ħaddiema tagħna;
– Li l-allowance tal-COLA ma jkunx taxxabbli;
– Li l-Gvern għandu jagħti inċentivi fiskali lil min iħaddem biex jikkumbatti għaż-żidiet tal-għoli tal-ħajja;
– Fond Nazzjonali biex jappoġġja lill-industrija li timporta jew tesporta u dan biex jagħmel tajjeb għall-impatt tal-għoli tal-ħajja.