Il-qawwiet ta’ Iżrael fl-aħħar sigħat wettqu waħda mill-akbar operazzjonijiet militari fl-aħħar snin bil-ħsieb li jeqirdu lill-militanti Palestinjani bażati hemmhekk, u li jingħad qed jippjanaw aktar aggressjonijiet kontra ċ-ċivili fl-ibliet Iżraeljani.
Ir-rejd – li beda b’attakki bid-drones – ikkonċentra fuq il-kamp tar-refuġjati ta’ Jenin, fix-Xatt tal-Punent – fejn jingħad li hemm gruppi moħbija ta’ militanti li Iżrael qed jirreferi għalihom bħala terroristi.
Fl-aħħar sigħat, daħlu wkoll fl-azzjoni kwantità kbira ta’ truppi Iżraeljani li kienu involuti f’sensiela ta’ battalji ħorox mal-Palestinjani fit-toroq ta’ Jenin.
Min-naħa tagħhom l-awtoritajiet Palestinjani kundannaw bla riservi dan ir-rejd waqt li konfermaw li l-militar Iżaeljan qatel talanqas għaxar Palestinjani waqt l-azzjonijiet f’Jenin, b’għexieren oħra jisfaw feruti.
L-ebda sors indipendenti ma kkonferma jekk il-vittmi kienux kollha membri tal-gruppi estremisti Palestinjani. Madankollu, kelliema għall-Qawwiet tad-Difiża ta’ Iżrael tennew li s-suldati tagħhom kienu qed jikkonċentraw l-azzjonjiet fuq l-infrastruttura tat-terroristi qalb iz-zoni ta’ Jenin.
Iżrael insista li qed imexxi l-azzjoni f’Jenin biex jelimina t-theddida għall-Iżraeljani innoċenti, u li l-battalja tiegħu hi mat-terroristi u mhux mal-familji. Il-Gvern Iżaeljan sostna li hu determinat li jinnewtralizza lill-gruppi militanti li skont hu huma sponsorjati mill-Iran u li għandhom il-bażijiet moħbija f’Jenin.
Il-ġlied li baqa’ għaddej f’diversi bnadi ta’ Jenin kien ikkaratterizzat bi sparar kontinwu u splużjonijiet regolari. Dan meta l-kamp tar-refuġjati baqa’ magħluq matul il-ġurnata minħabba l-ġlied … u f’sitwazzjoni li għamlitha diffiċli ħafna għall-ambulanzi biex jidħlu fl-inħawi.
//= $special ?>