Rowen Camilleri
MALTA……..0
ITALJA……..4
Malta: H. Sacco, A. Borg, M. Ellul (B. Hili 72’), S. Xerri, J. Vassallo, J. Micallef, L. Scicluna, B. Tuma (N. Cross 59’), D. Scicluna (B. Borg 85’), L. Caruana (D. Letherby 59’), A. Bridgman (T. Viviani 46’)
Italja: D. Mastrantonio, F. Missori, I. Regonesi (A. Dellavalle 85’), L. Dellavalle, C. N’Dour, P. Esposito (N. Turco 75’), L. D. Andrea (S. Vignato 65’), M. Kayode, L. Lipani (N. Pisilli 75’), L. Amatucci, L. Koleosho (L. Hasa 76’)
Imwissija: J. Micallef 32’ (MLT), I. Ragonesi 50’ (ITA)
Skorjaw: C. N’Dour 19’ pen, P. Esposito 32’ pen, L. D’Andrea 47’, S. Vignato 90+2’ (ITA)
Referee: Yigal Frid (ISR)
Assistenti Referees: Yossi Babayoff (ISR) u Deniss Sevcenko (LVA)
Fl-ewwel impenn tiegħu fil-Kampjonati Ewropew ta’ taħt id-19-il sena, it-tim nazzjonali Malti mmexxi minn Toze Mendes sofra telfa ta’ 4-0 kontra l-qawwa tal-Itlaja. Il-partita kienet ikkaraterizzata minn erba’ penalties mogħtija favur it-tim Taljan, li tlieta minnhom kienu skorjati filwaqt li wieħed mar għoli. Il-Maltin spiċċaw ukoll jilagħbu taqsima sħiħa b’10 meta fid-39 minuta tkeċċa l-captain Jake Micallef.
Bl-iskor sa tmiem l-ewwel taqsima jkun dak ta’ 2-0 favur l-Azzurri, it-tielet gowl wasal wara biss żewġ minuti mill-bidu tat-tieni taqsima biex it-tim Malti minn dak il-ħin ‘il quddiem ftit seta’ jagħmel b’għaxra minn nies u saħansitra sofra anke r-raba’ gowl fil-ħin miżjud
L-ewwel azzjoni perikoluża waslet mill-Italja fis-17-il minuta meta Cher Dour irċieva ballun fil-kaxxa u bix-xutt tiegħu jidher iddestinat fix-xibka, Sven Xerri tajjar fil-ħin minn fuq il-linja.
Minuta wara iżda l-Italja ingħataw penalty meta l-ballun deher jaħbat ma’ idejn Alfie Bridman fil-kaxxa bir-referee Yigal Frid mill-ewwel isaffar il-penalty. Mill-11-il metru kien il-plejer Ched N’Dour li tefa’ lil Sacco naħa u l-ballun in-naħa l-oħra.
Il-Maltin irrispondew fit-23 minuta b’xutt minn barra ta’ Lucas Scicluna li għadda ftit barra.
Fil-25 minuta reġa kien N’Dour li mar viċin il-gowl meta l-free-kick tiegħu stampa mal-wieqfa, bil-goalkeeper Malti Hugo Sacco megħlub għal kollox.
Man-nofs siegħa logħob l-Italja ingħataw it-tieni penalty b’dan ikun wieħed dubjuż għall-aħħar bir-referee jara foul ta’ Jake Micallef fuq Luca Lipani. Din id-darba inkariga mill-penalty il-plejer ta’ Inter Pio Esposito li ma żbaljax għal 2-0 favur l-Azzurri.
Għaddew inqas minn għaxar minuti u jasal it-tielet penalty msaffar favur l-Italja li miegħu ġab ukoll tkeċċija. Kienet azzjoni ta’ Pio Esposito li daħal fil-kaxxa avversarja u kien imwaqqa’ mill-captain Jake Micallef, bir-referee jordna l-penalty u t-tieni karta safra lill-plejer ta’ Boavista. B’xorti tajba għall-Maltin il-plejer ta’ Sassuolo Luca D’ Andrea falla l-mira u tefa’ għoli. L-ewwel taqsima titnemm 2-0 favur l-Italja.
It-tieni taqsima bdiet ħażin għall-aħħar għal Maltin u wara biss żewġ minuti il-free-kick dirett ta’ Luca D’Andrea kien imxellef mill-barriera u baqa’ dieħel fix-xibka.
Fil-ħin miżjud l-Italja jingħataw ir-raba’ penalty meta s-sostitut Benjamin Hili waqqa’ fil-kaxxa lis-sostitut Taljan Nicolo Turco bil-plejer Samuele Vignato jieħu r-responsabiltà mill-11-il metru u tefa’ fix-xibka għal skor finali ta’ Malta 0 Italja 4.
