Lokali Qorti

Kumment razzist iweħħlu sitt xhur ħabs sospiżi

Raġel ta’ 62 sena nstab ħati ta’ kumment razzist u weħel sitt xhur ħabs sospiżi għal tliet snin, kif ukoll immultat €3000.

John Ciantar kien mixli f’Awwissu tal-2021 li għamel użu mhux xieraq minn apparat ta’ komunikazzjoni elettronika u li għamel kumment razzist fuq Facebook.

Ciantar ikkummenta dwar aħbar li barrani tressaq il-Qorti, u kiteb il-kumment “kantun marbut m’għonqu” b’reazzjoni għal kumment ieħor fejn inkiteb li l-“barrani missu jintefa’ fuq pallet ħdejn Filfla”.

Hu nstab ħati fi Frar li għadda, fejn L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ċaħdet l-appell ta’ Ciantar u qalet li hu rreaġixxa b’mod dispreġjattiv, insolenti u li seta’ joħloq mibegħda.

L-Imallef qalet li tant hu hekk, li wara l-kumment tiegħu kien hemm bosta kummenti oħra li baqgħu għaddejja bl-istess mod fejn insulentaw lin-nies ta’ razza Afrikana.