Lokali Parlament

L-Ombudsman jinsisti fuq l-importanza li l-karigi marbuta mal-governanza jkunu approvati biż-żewġ terzi

L-Ombudmsan l-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon espriema pożizzjoni li l-karigi marbuta mal-governanza għandhom ikunu maħtura bl-approvazzjoni taż-żewġ terzi tal-parlament.

Din il-pożizzjoni kienet espressa mill-Ombudmsan il-ġdid fl-ewwel dehra tiegħu quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Kunsiderazzjonijiet tal-Abbozzi li ltaqa’ fil-parlament. Il-kumitat iddiskuta l-Ombudsplan għall-2022/23.

L-Ombudsman Zammit McKeon kien approvat Ombudsman f’Marzu li għadda b’mod unanimu mill-parlament bil-gvern jorbot din il-ħatra ma’ dik tal-Kummissarju għall-Istandards fejn l-Oppożizzjoni ma kinitx qablet man-nomina tal-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi. Quddiem din is-sitwazzjoni l-gvern, minflok baqa’ jipprova jsib soluzzjoni mal-Oppożizzjoni, kien bidel il-metodu kif jinħatar il-Kummissarju għall-Istandards fejn minflok ħalla l-metodu tal-approvazzjoni biż-żewġ terzi, approva metodu ta’ maġġoranza sempliċi wara żewġ voti fil-parlament.

Il-laqgħa tal-Kumitat Parlamentari għall-Kunsiderazzjoni tal-Abbozzi kienet preseduta mill-Ispekaer Anġlu Farrugia u għall-Gvern attendew id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, il-Whip Laburista Andy Ellul u l-Ministru tal-Intern Byron Camilleri. Għall-Oppożizzjoni pparteċipa d-deputat Nazzjonalista u Deputy Speaker David Agius.

Fl-introduzzjoni tiegħu l-Ombudsman Joseph Zammit McKeon qal li hemm bżonn iktar kuntatt bejn l-Uffiċċju tal-Ombudsman u l-parlament għaliex wara li ħareġ ir-rapport annwali tal-2022, kien rilevat li n-numru ta’ nies li rrikorrew għand l-Ombudsman naqas. Waħda mir-raġunijiet kienet li l-pubbliku qed imur għand l-Ombudsman iżda ċ-ċittadin m’għandux min itih widen fil-parlament.

L-Ombudsman qal li għadu jinstab metodu kif meta jkun hemm dawn il-każi – li huma ftit – ikun hemm soluzzjonijiet. Hemm diversi metodi kif dan isir, sostna l-Ombudsman, li qal li fl-Ingilterra hemm kumitat li jitratta dawn is-sitwazzjonijiet.

L-Imħallef Emeritu Zammit McKeon tkellem dwar ir-rwol tal-amministrazzjoni pubblika u qal li hemm kambjament fit-tajjeb għaliex l-Uffiċċju tal-Ombudsman ma jfittix konfrontazzjoni meta jkun hemm l-ilmenti tan-nies.

Dan l-Uffiċċju hu alternattiva għall-qrati meta jitressqu l-ilmenti u għalhekk il-persuna għandhom isibu wens u mod serju kif ikunu trattati l-fatti tal-każi.

L-Ombudsman qal li l-prinċipju tal-governanza hu wieħed importanti ħafna li jidħol anki fis-settur tad-drittijiet fundamentali. Hu appella biex jinħoloq rimedju fil-liġi domestika f’każi meta persuna tħossha diskriminata biex il-persuni ma jkollhom għalxiex imorru mill-ewwel Strasburgu flok imorru Malta għar-rimedju.

L-Ombudsman spjega li l-pajjiz għandu tliet istituzzjonijiet li jmissu mal-governanza li huma l-Awditur Ġenerali, l-Ombudsmann u l-Kummissarju għall-Istandards. Hu semma’ l-mekkaniżmu tal-iżblokk meta ma jkunx hemm qbil fuq karigi partikolari u qal li hu jemmen li l-persuni għandhom ikunu maħtura bl-approvazzjoni taż-żewġ terzi. Zammit McKeon sostna li hu kontra li persuni jinħatru bl-approvazzjoni maġġoritarja.

L-Ombudsman qal li r-relazzjonijiet mal-amministrazzjoni pubblika, mal-kunsilli lokali u mal-awtoritajiet mixjin tajjeb. Dwar in-numri ta’ mressqa quddiemu, l-Ombudsman qal li dawn qed jerġgħu jiżdiedu fejn fl-ewwel sitt xhur tal-2023 kien hemm żieda ta’ każi.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne ma qabilx mal-Ombudsman dwar il-pożizzjoni espressa minnu fuq l-importanza li l-uffiċjali (bħall-Kummissarju għall-Istandards) għandhom ikunu maħtura bl-approvazzjoni taż-żewġ terzi tal-parlament. Hu qal li dan ma jnaqqas xejn mill-fiduċja espressa fil-Kummissarju għall-Istandards li kien maħtur b’maġġoranza sempliċi. Hu qal li t-triq ‘l quddiem għadha tkun li l-kazi jissolvew għaliex jidher li fl-aħħar snin il-każi kienu jinqatgħu fuq naħa waħda.

L-Ombudsman wieġeb li l-kwistjonijiet tal-uffiċċji kostituzzjonali bħall-President, l-Awditur Ġenerali u l-Ombudsman għandhom ikunu dejjem biż-żewġ terzi għaliex l-uffiċji kostituzzjonali ma’ jmissux ma’ affarijiet aljeni għall-inkargi u jattiraw il-fiduċja tan-nies. L-istituzzjoni tiddgħajjef jekk dan jseħħx, sostna l-Ombudsman.

Hu qal li mill-8 ta’ Marzu ‘l hawn hu daħħal sistema li wara r-rapport finali li jkun analizzat mill-istituzzjoni li tkun, it-taqsima li tirregola f’Kastilja tkun involuta mill-ewwel biex il-pożizzjoni finali tingħata kunsiderazzjoni qabel ir-rapport quddiem il-Prim Ministru. Din is-sistema qed taħdem, sostna l-Ombudsman.

Id-deputat Nazzjonalista David Agius qal li hu importanti li l-Uffiċċju tal-Ombudsman u uffiċċji oħra jinħatru bl-approvazzjoni taż-żewġ terzi tal-parlament. Hu ppropona li l-laqgħat mal-Ombudsman jibdew mal-parlament isiru iktar spiss minn darba fis-sena. Il-laqgħat għandhom isiru kull sitt xhur, propona Davdi Agius, li appella biex l-Uffiċċju tal-Ombudsman jissaħħaħ.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Kummissarju għall-Ambjent diġà lmenta li diversi rapporti fuq każi mhumiex jingħataw l-attenzjoni mill-awtoritajiet u m’għandux ikun tollerat li l-awtoritajiet ma jweġibux għall-pożizzjoni tal-Ombudsman.

B’mod unaminu l-Kumitat approva r-rapport tal-Ombudsman għas-sena 2002/23.