Internazzjonali

L-Ukrajna: Twissija li Putin jista’ ikun pass ‘il bogħod milli joħloq ‘Chernobyl ieħor’

Numru ta’ sorsi sigrieti mhumiex jeskludu li l-President tar-Russja Vladimir Putin jista’ qed jaħseb biex itajjar l-akbar faċilità nukleari tal-Ewropa. Dan fost sinjali kontinwi li l-gwerra fl-Ukrajna qed iddur ftit, ftit, kontra l-Armata tiegħu li invadiet lit-territorji tal-ġar fi Frar tal-2023.

Fi tmiem il-ġimgħa kien hemm rapporti dwar l-evakwazzjonijiet tat-truppi Russi mill-faċilità ta’ Zaporizhizhia li ilha x-xhur taħt il-kontroll tal-militar tal-Kremlin anki jekk il-ħaddiema Ukreni baqgħu jieħdu ħsieb l-operat tagħha,

Min-naħa tiegħu, il-President Ukren Volodymyr Zelensky wissa dwar il-potenzjal qawwi li l-faċilità  ta’ Zaporizhizhia  tintuża bħala parti minn pjan intiża għall-qerda tal-Ukrajna.

U t-twissija qed tidher aktar reali wara li s-servizzi sigrieti tal-militar Ukren qalu li r-Russja tinsab ‘teknikament lesta’ biex twettaq splużjoni ‘lokalizzata’ fil-faċilità…Splużjoni li, imbagħad, tiċċirkola sħaba ta’ radjazzjoni madwar l-Ukrajna u ‘il hinn minnha.

Fl-istess ħin, il-President Zelensky u l-Gvern tiegħu  qed ikomplu jinsistu biex il-komunità internazzjonali tagħti aktar attenzjoni lis-sitwazzjoni li żviluppat fil-faċilità nukleari lejn in-naħa t’isfel tal-Ukrajna. Dan meta mhux eskluż li l-pajjiż jinsab qrib ‘Chernobyl’ ieħor – f’dan il-każ l-isplużjoni nukleari tas-snin tmenin fir-reattur tal-impjant ( ta’ Chernobyl) li kien firex ir-radjazzjoni madwar l-ibliet Ukreni u lejn l-Istati tal-Ewropa tal-Lvant.

Il-Gvern Ukren, filwaqt li insista li r-Russja qed tippjana ‘attakk terroristiku’ fuq il-faċilità ta’ Zaporizhizhia, qabel ukoll ma’ rapport fis-sens li l-Kremlin x’aktarx li ħareġ direttivi lit-truppi Russi biex iqiegħdu l-isplussivi maġenb il-cooling systems u sezzjonijiet tal-impjant li jiġġeneraw l-enerġija – bis-sitwazzjoni hemmhekk kapaċi teskala minn ħin għal ieħor.