Lokali

Lydia Abela wkoll tinjora l-appell ta’ inkjesta pubblika b’rabta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia

Lydia Abela, il-mara tal-Prim Minsitru Robert Abela u eks President tal-Partit Laburista taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat, ma taqbilx li tiġi msejħa Inkjesta Pubblika b’rabta mal-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia.

F’għodwa ta’ Diċembru Jean Paul Sofia miet mirdum taħt 4 sulari konkos f’binja li kienet tinsab taħt kostruzzjoni f’Kordin – 7 xhur wara u l-qraba u l-ħbieb taż-żagħżugħ għadhom qed jappellaw sabiex issir ġustizzja. Iżda aktar minn hekk, omm Jean Paul, Isabelle Bonnici, ilha għal dan iż-żmien kollu tappella lill-istess Robert Abela sabiex isejjaħ inkjesta pubblika.

Dan sabiex filwaqt li tkun għaddejja l-Inkejsta Maġisterjali sabiex jiġi stabbilit min għandu jieħu li ħaqqu b’rabta mal-mewt ta’ binha….l-Gvern isejjaħ inkjesta pubblika, separata, sabiex traġedja bħal din ma terġax tirrepeti ruħha; bil-għan li l-ebda omm ma tgħaddi mill-istess dulur.

Wara li tqiegħdet fuq l-aġenda parlamentari mill-Partit Nazzjonalista, nhar il-Ħamis 6 ta’ Lulju l-Parlament se jkun qiegħed jiddiskuti l-bżonn li l-Gvern isejjaħ inkjesta pubblika b’rabta ma’ dan il-każ – mozzjoni li se titqgħied għall-vot.

Wieħed jistenna li Robert Abela u sħabu jagħmlu l-istess kif ġara fil-każ tal-abort, u jagħti widen għall-karba tan-nies… bil-għan li verament ssir ġustizzja ma Jean Paul Sofia u bil-fatti l-Gvern jagħti każ liċ-ċittadini.

Iżda jidher li dan mhux se jkun qed iseħħ, għaliex meta Net News staqsa lil Lydia Abela dwar il-possibilita li tissejjaħ inkjesta pubblika hija kompliet man-narrattiva ta’ Robert Abela.

Għaldaqstant filwaqt li l-buonsens jgħid li għandha tiġi msejħa inkjesta pubblika….il-Gvern ta’ Abela jidher li se jagħżel li jkompli jsabbat saqajh u jinjora l-karba ta’ omm imweġġa’ – dan filwaqt li minkejja s-setgħat kollha li għandu l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà….anke il-Pulizija baqgħu ma għamlu xejn, u għadhom ma ġabru lill-ebda persuna allegatament involuta fil-każ.