Tmenin sena ilu minn Lascaris Wharf kienu nibtu l-pjanijiet sabiex l-Alleati jibdew it-triq tagħhom fuq il-Ġermanja Nazista billi jattwaw il-liberazzjoni ta’ Sqallija.
Filwaqt li mill-Punent bdiet l-invażjoni tal-Alleati minn Franza, u mil-Lvant bdew l-invażjoni tagħhom ir-Russi….fl-10 ta’ Lulju tal-1943 l-alleati taw bidu għal li dik li ssejħet Operation Husky.
Proprju fl-ewwel tmiem il-ġimgħa ta’ Awwissu, bejn l-4 u s-6 ta’ Awwissu f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta, se tkun qed tittella eżebizzjoni sabiex jitfakkar dan il-mument storiku mhux biss fil-ġrajja ta’ pajjiżna, iżda tad-dinja – mument li wassal għal-liberazzjoni finali tal-Ġermanja.

Net News tkellem maċ-Chairman ta’ Dar il-Mediterran Kenneth Spiteri illi spjega li matul dawn il-jiem se jkun hemm eżebizzjoni fis-Sacra Infermeria – b’wirja ta’ vejikoli militari, armamenti u uniformijiet kif ukoll kollezzjonijiet privati. Apparti minn hekk, se jkun hemm ukoll il-parteċipazzjoni ta’ 6 gruppi ta’ reanactors.
Għall-ewwel serata se jkun qed jittella kunċert, bid-direzzjoni tas-surmast tal-banda tal-Forzi Armati ta’ Malta, Jonathan Borg.
Huwa spjega ma’ Net News li l-preparamenti diġà jinsabu għaddejjin ġmielhom filwaqt li apparti li se jkunu qed jindaqqu kanzunetti varji u adattati ma’ dan il-perjodu, se jkun hemm ukoll il-parteċipazzjoni ta’ kor ta’ tfal u grupp ta’ żfin. Fl-istess serata, se jindaqqu wkoll xi siltiet għall-ewwel darba.
U is-Sibt 5 ta’ Awwissu, taħt id-direzzjoni tal-Maestro Michael Laus se jittella l-kunċert “Songs of WW2” mill-Goldberg Ensemble, b’arranġement mużikali tal-istess Laus – arranġamenti ta’ kanzunetti tas-snin erbghin minn pajjiżi varji.
