Sport Sport Ieħor

Taekwondo: Fidda u Bronż għall-atleti Maltin fis-Solidarity Centre Games fi Franza

Suċċess għat-Taekwondo lokali fir-ranking tournament tat-tieni edizzjoni tas-Solidarity Centre Games li saru f’Montargis fi Franza.

Malta kienet rappreżentata minn Michela Scerri u Alycia Cassar. Fil-kategorija 48 kg. Michela Scerri fil-kwarti finali kontra Jade Mustara (Franza), wara li tilefet l-ewwel round, rebħet it-tieni wieħed 4-3 u ddominat it-tielet sessjoni 9-1. Fis-semi finali dominju assolut kontra Lena Lehmann fejn rebħet 10-0 ; 8-3.

Fil-finali kontra Lilu Gamel (Franza) wara li Gamel u Scerri rebħu sessjoni kull wieħed, kienet Gamel li rebħet dak deciżiv. Alycia Cassar, fis-semi finali kontra Sane Seyni wara li t-tnejn rebħu sessjoni kull wieħed, fis-sessjoni deciżiva, kienet Seyni li rebħet 9-6.

Il-kontingent Malti kien immexxi mill- kowc nazzjoni Ditmar Vodinaj u mill-President ta’Malta Tawkwondo Association u Membru tal-Eżekuttiv European Taekwondo Union, Anna Vassallo li kkummentat li din il-partecipazzjoni hija parti mill-istrateġija tal-assoċjazzjoni biex tgħin l-atleti tagħha jipparteċipaw f’ranking tournaments internazzjonali, u dan biex iservi ta’ inċentiv biex l-atleti lokali jkomplu bl-attività tagħhom f’dan l-isport.