Ewropa Lokali

Diskussi diversi sfidi li qed jolqtu direttament lil Malta u lill-pajjiżi Ewropej

L-isfidi li qed iġġib magħha l-gwerra fl-Ukrajna kienu diskussi waqt laqgħa li saret bejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech u l-Kap tar-Rappreżentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta Lorenzo Vella – laqgha li saret fid-Dar Centrali tal-PN, fejn Bernard Grech feraħ lil Vella għall-irwol il-ġdid tiegħu.

Lorenzo Vella ġie appuntat fl-1 ta’ Marzu li għadda hekk kif it-terminu tal-Kap ta’ qabel, Elena Grech, kien ġie fi tmiemu. Apparti li jmexxi r-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’pajjiżna, Vella għandu wkoll l-irwol ta’ Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Kunsill tal-Ewropa fi Strasburgu.

Waqt il-laqgħa mal-Kap tal-PN, Vella irrefera għall-impatt li qed ikollha fuq l-Ewropa il-gwerra fl-Ukrajna. Huma irrimarkaw kif minkejja li l-gwerra mhix direttament fit-territorju tal-UE, din xorta qed tolqot lill-Ewropa b’mod varji. Filfatt, fost l-aktar effetti diretti hemm l-inflazzjoni li laqtet il-pajjiżi Ewropej; partikolarment iż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-ikel.

Lorenzo Vella semma’ wkoll kif iċ-ċittadini ġieli ma jkunux informati sew dwar sitwazzjonijiet politiċi, u irrefera għal kummenti illi qalu li l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen trid tidħol fi gwerra – kummenti li huma fattwalment skorretti.

Waqt l-istess laqgħa, Vella speja wkoll kif il-Kummissjoni qed taħdem sabiex iċ-ċittadin ikun iżjed infurmat, u għalhekk qed tissaħħaħ il-komunikazzjoni bejn il-Kummissjoni u ċ-ċittadini Ewropej.