Atletika Sport

Għadd ta’ rekords miksura waqt il-Kampjonat Nazzjonali

Iż-żieda fit-temperaturi Sajfin ma waqqfitx lill-aqwa atleti Maltin biex jipproduċu serje ta’ riżultati tajbin fl-Istadium tal-Marsa hekk kif Athletics Malta organizzat il-Kampjonati Nazzjonali tal-atletika.

Xejn anqas minn seba’ rekords tal-Kampjonat inkisru matul il-ġimgħa fl-avvenimenti fit-track and field varji. Iż-żagħżugħ Gabriel Farrugia kompla jibbrilla u kiseb rekord nazzjonali ta’ taħt l-20 sena ġdid fit-3000m b’ħin ta’ 8:51.88, fejn kiser ir-rekord preċedenti tiegħu b’żewġ sekondi. B’dan ir-riżultat huwa rebaħ it-titlu nazzjonali tal-istess kategorija u tela’ fuq il-podju għall-ewwel darba fil-kategorija tal-kbar. It-tellieqa ntrebħet minn Luke Micallef ta’ Pembroke li b’hekk isir champion nazzjonali fid-distanza b’8.36.88, quddiem David Borg (Gozo Athletix) b’ 8.43.67.

Prestazzjoni eċċellenti għall-atleta ta’ 17-il sena ta’ Rush AC Isaac Bonnici li saħansitra rebaħ it-titlu nazzjonali tal-kbar fit-800m b’ħin ta’ 1:58.58 li huwa wkoll rekord tal-kampjonat. Stefan Cassar kiseb rekord tal-kampjonat fil-kategorija Under 18 meta rebaħ il-kategorija tiegħu bżin ta’ 1:00.59 fl-400mh.

Luke Micallef għaqqad tripletta personali meta rebaħ it-3000m steeplechase għas-seba’ darba konsekuttiva b’ħin rekord għal dawn il-kampjonati ta’ 9:10.36, quddiem Dario Mangion (9:53.63) u l-1,500m b’4’03.79.

Fil-pole vault, rekords tal-kampjonat għal Nicolai Bonello (La Salle, 4.30m) u Sana Grillo (Pembroke) b’3.70m biż-żewġ atleti jirbħu t-titlu nazzjonali.

Ġimgħa importanti għal Mireya Cassar ta’ Pembroke li kienet fuq il-podju xejn inqas minn erba’ darbiet tul il-Kampjonat Nazzjonali. Hija temmet fl-ewwel post fil-hammer throw (51.05m, rekord tal-istess kampjonat) u x-shotput, it-tieni fid-discus u t-tieket fil-javelin.

Beppe Grillo ħa t-titlu tar-raġel l-aktar veloċi bl-atleta żagħżugħ ta’ Pembroke jirbaħ il-100m b’10.52s assistit minn riħ favorevoli, u Carla Scicluna fost in-nisa b’11,94, 0.07s biss quddiem Charlotte Wingfield. Doppjetta għal Scicluna b’rebħa fil-200m b’24.33. Fost l-irġiel, żewġ rebħiet għal Graham Pellegrini fil-200m u 400m, b’ħinijiet ta’ 21.44s u 49.51s rispettivament. Ebda sorpriża fost it-tfajliet fuq l-400m, b’Janet Richard tiddomina b’53.05s, rekord tal-kampjonat.

Fuq id-distanza t-twal, rebħiet għal Simon Spiteri u Lisa Bezzina (10000m) u Dillon Cassar u Joelle Cortis (5000m).

Fil-qbiż, rebħiet għal Jeremy Zammit (long) u James Armani (Triple) filwaqt li Rebecca’ Sare rebħet iż-żewġ avvenimenti fost in-nisa, b’rekord tal-kampjonat fit-triple (12.82m).

L-istaġun ikompli bl-impenji internazzjonali li jmiss hekk kif fi tmiem il-ġimgħa pajjiżna jospita l-EAP International Meeting, filwaqt li fil-ġimgħat li ġejjin ikollna wkoll il-Kampjonat Dinji u għadd ta’ avvenimenti għall-kategoriji taż-żgħażagħ fosthom l-EYOF u l-FISEC.