Lokali

“Għaliex din ir-reżistenza kollha biex issir inkjesta pubblika?” – Isabelle Bonnici

Lydia Abela… l-istess bħal Robert Abela…ma taqlibx li ssir inkjesta pubblika. U għalhekk, bħall-Prim Ministru qed tinjora l-karba ta’ omm Jean Paul Sofia sabiex toħroġ il-verità kollha u jsir magħruf x’wassal sabiex sit ta’ kostruzzjoni f’Kordin iċedi… bil-konsegwenza li binha… ta’ għoxrin sena spiċċa maqtul taħt it-tiġrif. 

Isabelle Bonnici ilha għal dawn l-aħħar xhur tappella u titlob lill-Gvern ta’ Robert Abela biex jaħtar inkjesta pubbliku dwar din it-traġedja… iżda sa issa… seba’ xhur wara… Abela għadu qed iwebbes rasu.

Skont Lydia Abela, l-inkjesta maġisterjali li għaddejja bħalissa għandha l-għodda kollha neċessarji biex tilħaq l-għan tagħha. Fi kliem semplici, ma tarax il-ħtieġa li ssir Inkjesta Pubblika.

Wara li Net News ippubblika dawn il-kummenti, omm Jean Paul Sofia esprimiet id-dispjaċir tagħha għal dak li qalet mart il-Prim Ministru, fejn saħqet li tinsab diżappuntata ferm li omm bħalha qed tgħid li inkjesta maġisterjali hija biżżejjed biex kulħadd ‘iħallas ta’ għemilu’. U insistiet illi bħala Avukat, Lydia Abela suppost taf li inkjesta maġisterjali ma tinvestigax mill-bidu nett… minn meta ngħatat l-art tal-Gvern.

Isabelle tistaqsi għalxiex qed tibqa’ ssir din ir-reżistenza kollha u kif bqajna ma tgħallimna xejn wara t-traġedja ta’ Miriam Pace… li kienet spiċċat vittma taħt it-terrapien ta’ darha stess. Hija tistaqsi lil Lydia Abela jekk hix kapaċi tħares lejn ‘uliedna’ jekk terġa’ sseħħ traġedja oħra.

Hija tistaqi wkoll lill-Gvern x’qed iżommu lura milli toħroġ il-verità kollha dwar l-inċident li ħasad il-ħajja ta’ biha fil-fjur ta’ żgħożitu.

Inkjesta pubblika tgħin biex filwaqt li tkun għaddejja l-Inkjesta Maġisterjali, ikun assigurat li traġedja bħal din ma terġax tirrepeti ruħha; bil-għan li l-ebda omm ma tgħaddi mill-istess uġigħ.

Iżda l-Gvern ta’ Robert Abela jidher li se jagħżel li jkompli jsabbat saqajh u jinjora l-karba ta’ omm imweġġa’ – dan filwaqt li minkejja s-setgħat kollha li għandu l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà….anke il-Pulizija baqgħu ma għamlu xejn, u għadhom ma ressqu lill-ebda persuna allegatament involuta fil-każ.