Lokali

“Huwa inaċċettabbli li wara seba’ xhur ma ttieħdet ebda azzjoni minn Robert Abela” – PN

Ma jistax ikun li ssir traġedja u qisu xejn mhu xejn… ma jistax ikun li wara seba’ xhur il-Prim Ministru Robert Abela għadu qed isabbat saqajh u ma jaħtarx inkjesta pubblika dwar mewta traġika f’sit ta’ kostruzzjoni.

Dan kien il-qofol tal-messaġġ li wassal il-Partit Nazzjonalista f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mid-Deputati Jerome Caruana Cilia u Stanley Zammit.

Jerome Caruana Cilia fakkar kif għaddew 7 xhur mill-mewt ta’ Jean Paul Sofia… 7 xhur ta’ skiet li jtarrax , 7 xhur ta dulur għall-famillja u l-ħbieb taż-żagħżugħ.

Huwa qal kif hemm numru ta’ mistoqsijiet li għadhom ma ġewx imwieġba dwar dan l-inċident traġiku…  fosthom għala l-Prim Ministru ma jridx jaħtar inkjesta pubblika u allura… Lil min qed jgħatti? U jekk hemmx persuni qrib tal-Partit Laburista li għandhom rabta ma’ dan il-każ li tant li għandhom saħħa li mhux qed iħallu  lil Robert Abela jaħtar inkjesta pubblika.

Jerome Caruana Cilia fakkar kif il-mewt ta’ Jean Paul Sofia hija kwistjoni li tmur lil hinn mill-kulur politiku.. fejn is-soċjetà trid li ssir inkjesta pubblika ħlief Robert Abela u l-klikka tiegħu.

Huwa fakkar kif f’Marzu li għadda l-Partit Nazzjonalista ressaq mozzjoni biex il-Prim Ministru jaħtar bord tal-inkjesta dwar dan il-każ… bord li jkun indipendenti.

Min-naħa tiegħu d-Deputat Nazzjonalista Stanley Zammit qal li s-suppervja tal-Prim Ministru u tal-Gvern Laburista qed twassal biex ma jittiħdux l-azzjonijiet meħtieġa biex traġedji bħal dawn ma jerġgħux iseħħu. Dan hekk kif l-Istat għandu obbligi li jieħu l-miżuri kollha neċessarju biex jissalvagwardja l-ħajjiet. Saħaq li huwa importanti li jsiru eżerċizzji ta’ analiżi serja biex dak li wassal għal incidenti bħal dawn, ikun evitat fil-futur.

Stanley Zammit fakkar kif inkjesta pubblika tmur lil’hinn  minn inkjesta maġisterjali għax tidħol fid-dettall f’dak li seħħ u huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qed itenni l-proposti tiegħu li jitwaqqaf uffiċċju ta’ ġudikaturi inkwerenti li jispeċjalizza fuq inkjesti.

Huwa sosnta li jekk fil-passat saru l-iżbalji, hija responsabbiltà tal-Gvern preżenti li jirrivedi l-policies u r-regolamenti li qed jagħtu lok għal abbuż.

Wara li tqiegħdet fuq l-aġenda parlamentari mill-Partit Nazzjonalista, nhar il-Ħamis 6 ta’ Lulju l-Parlament se jkun qiegħed jiddiskuti l-bżonn li l-Gvern isejjaħ inkjesta pubblika b’rabta mal-każ tal-mewt ta’ Jean Paul Sofia – mozzjoni li se tkun qed titqiegħed għall-vot.