ż
Kelliema għall-Armata ta’ Iżrael qalu li rnexxa r-rejd li ilu għaddej għall-aħħar jumejn kontra l-gruppi tal-militanti li furmaw diversi bażijiet qalb ir-refuġjati Palestinjani li qegħdin jiffullaw il-Kamp ta’ Jenin.
Il-battalji bejn is-suldati Iżraeljani u l-militanti fl-aħħar sigħat kienu għadhom għaddejjin fil-kamp u bnadi oħra fil-belt ta’ Jenin — bis-sorsi qrib l-Armata Iżraeljana jsostnu li ‘irnexxew it-tragwardi kważi kollha tar-rejd’. Sorsi oħrajn, imbagħad, ikkonfermaw li t-truppi qerdu ‘bejta tat-terroristi’ fil-kamp tar-refuġjati u fejn huma referew għall-gruppi tal-militanti Palestinjani li jingħad kienu qed jippjanaw l-attakki fuq il-poplu ċivili ta’ Iżrael.
L-ogħla Uffiċjali tad-Difiża Iżraeljani sostnew li l-qawwiet Iżraeljani li, nhar it-Tnejn, bdew wieħed mill-akbar rejds għal snin fix-Xatt tal-Punent, kienu fil-proċess li jikkonkludu din il-kampanja militari.
Dan wara li l-lejl tat-Tnejn u t-Tlieta kien pjuttost nieqes mill-vjolenza meta paragunat mal-battalji kbar u intensivi ta’ matul il-ġurnata (f’Jenin) bejn il-militanti li qed jingħataw appoġġ mill-Iran u s-suldati.
Intant, ma kenux identifikati l-gruppi tal-militanti li kienu attivi fil-kamp ta’ Jenin u li Iżrael dejjem jirreferi għalihom bħala ‘terroristi’.
Il-Qawwa tad-Difiża ta’ Iżrael issa qalet li arrestat ‘il fuq minn 120 militanti suspettati waqt ir-rejds u meta sal-bieraħ is-suldati kienu qed jikkonċentraw fuq diversi miri oħra fiċ-ċentru tal-kamp tar-refuġjati.
Intant, l-Uffiċjali Palestinjani issa konfermaw li fil-ġlied ta’ Jenin inqatlu ‘il fuq minn għaxar Palestinjani, bil-midruba (sal-bieraħ) ikunu kalkulati bejn il-100 u l-150.
Fi żviluppi oħra, uffiċjali ewlenin tal-Armata Iżraeljani li ma riedux ikunu identifikati qalu li r-rejd tal-aħħar jumejn f’Jenin ta daqqa ta’ ħarta kbira lill-kapaċitajiet tal-militanti lokali għal terroriżmu.
Dan wara li l-qawwiet Iżraeljani f’Jenin sabu u ‘innewtralizzaw’ mina taħt l-art fil-kamp tar-refuġjati proprju u li kienet qed tintuża bħala speċi ta’ maħżen għall-isplussivi. It-truppi ta’ Iżrael anki qerdu xi kmamar li kienu qed jintużaw mill-kapijiet tal-militanti bħala ‘situation rooms’ għall-ippjanar ta l-attakki fuq l-ibliet Iżraeljani – bis-suldati jelevaw kwantità sinifikanti ta’ tagħmir militari inklużu numru ta’ grenade launchers.
//= $special ?>

