Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Il-konflitt iqarreb il-qalba tar-Russja fost allegat attakk bid-drones fuq Moska

Ir-Russja akkużat lill-Ukrajna dwar attakk bid-drones li tmexxa fl-aħħar sigħat fuq il-kapitali Moska u li fost oħrajn ħarbat l-iskeda tat-titjiriet fl-ajruport internazzjonali ta’ Vnukovo.

Dan fost rapporti li numru ta’ titjiriet ma setgħux jinżlu fl-ajruport inkwistjoni bħalma kienu skedati u meta qed jingħad li, fl-attakk, intużaw talanqas ħames drones li kienu mirati għal lokalitajiet oħra fir-reġjun madwar Moska.

Ir-Russi, wara, qalu wkoll li l-qawwiet tad-difiżi f’Moska rnexxielhom iniżżlu d-drones kollha u li l-attakk ma rriżultax fil-vittmi jew ħsarat.

Intant, issa tneħħew ir-restrizzjonijiet fl-ajruport ta’ Vnukovo, li hu wieħed minn tliet ajruporti internazzjonali fil-kapitali Russa. Dan wara li numru fost it-titjiriet affettwati mill-attakk kienu qed jaslu  f’Moska mit-Turkija, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Eġittu.

Intant, il-Gvern tal-Ukrajna ma assumiex responsabbiltà għall-attakk u prefera li ma jikkummentax.

Madankollu, l-osservaturi jemmnu li l-Ukrajna qed jirnexxilha testendi l-gwerra f’pajjiżha b’mod li din qed tolqot anki lill-ibliet prinċipali fir-Russja u meta l-allegat attakk ma kienx l-ewwel wieħed bid-drones dirett lejn Moska.

Fl-aħħar sigħat, il-kelliema għall-Ministeru Russu għall-Affarijiet Barranin sostnew li l-Ukrajna falliet f’hekk-imsejjaħ attakk terroristiku fuq l-infrastruttura ċivili tal-kapitali. Sar magħruf, sadanittant, li tnejn mid-drones spiċċaw jikkraxxjaw fil-belt ta’ Kubinka viċin ħafna tal-ajruport ta’ Vnukovo u fil-limiti tal-villaġġ ta’ Valuevo li wkoll jinsab qrib dan l-ajruport.