Quddiem l-Imħallef Grazio Mercieca bdew jinstemgħu l-provi fil-kawża li l-eks Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri fetaħ kontra l-membri tal-oppożizzjoni fil-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi, dmir li d-deputati Darren Carabott bħala Chairman u l-membri David Agius u Graham Bencini qed iwettqu lejn il-poplu Malti.
F’seduta mhux twila d-difiża ta’ Keith Schembri ippreżentat il-provi bil-miktub tagħha fejn xhieda ta’ Keith Schembri ġiet ippreżentata permezz ta’ affidavit. L-Avukat Edward Gatt talab ukoll lil Dr. Darren Carabott biex jixhed, xhieda li prattikament ħadet inqas minn minuta.
Lejn tmiem is-seduta Gatt talab lil Carabott biex għas-seduta li jmiss jippreżenta kopja tal-ittra li ntbagħtet lill-Kummissarju tal-Pulizija fil-konfront tal-klijent tiegħu, liema ittra kienet ippubblikata fid-dominju pubbliku annessa ma stqarrija li kien ħareġ il-PN.
Il-kawża kontra l-membri tal-PN tal-PAC saret wara li t-tliet membri fil-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi (PAC) kien qed jitolbu lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jieħu passi dwar allegazzjoni ta’ xhieda falza quddiem il-Kumitat Parlamentari u quddiem il-Bord tal-Inkjesta Pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Fi stqarrija, il-PN kien qal ukoll li “xi ħadd minn Keith Schembri, Edward Scicluna u Silvio Valletta mhux qed jgħid il-verità, anke jekk ħalfu li jgħidu l-verità kollha, dwar fatti relatati mal-proġett tal-Gvern tal-Power Station tal-gass u r-relazzjoni ma’ Yorgen Fenech, wieħed mis-sidien tal-Electrogas u li hu akkużat bil-kompliċità fil-qtil tal-ġurnalista”.
It-tliet rappreżentanti tal-PN fil-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi, Darren Carabott, David Agius u Graham Bencini, rreferew għal-laqgħa tat-Tnejn tal-Kumitat li matulha l-eks Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri xehed bil- ġurament li kemm l-eks Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, li llum huwa l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali kif ukoll l-eks Assistent Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta gidbu taħt ġurament waqt ix-xhieda tagħhom quddiem il-Bord ta’ Inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
L-eks chief of staff Keith Schembri kien ressaq rikors kostituzzjonali fejn sostna li nkisru d-drittijiet fundamentali tiegħu għal smigħ xieraq meta membri tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi talbu lill-pulizija biex jinvestigawh fuq xhieda falza.
Schembri lmenta li kien ġie rrifjutat kull opportunità li jissalvagwardja d-drittijiet tiegħu, inkluż li talab ruling mill-Ispeaker biex jissospendi x-xhieda tiegħu. Ir-rikors, quddiem il-Prim’Awla, Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni kostituzzjonali tagħha, ġie ppreżentat kontra d-Deputati Nazzjonalisti Darren Carabott, David Agius u Graham Bencini.
F’April li għadda t-tliet Deputati tal-PN kienu marru fil-kwartieri ġenerali tal-pulizija u taw ittra fejn talbu lill-pulizija tinvestiga lil Schembri kif ukoll lill-eks Ministru Edward Scicluna u lill-eks assistent kummissarju tal-pulizija Silvio Valletta, u qalu li mill-inqas wieħed minnhom kien gideb meta ngħatat evidenza konfliġġenti lill-kumitat.
Fix-xhieda li kien ta, Schembri ċaħad ma dak li kien qal Scicluna li fi żmien l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kien hemm “kitchen cabinet” li kien jopera minbarra mill-kabinett, u qal anzi li Scicluna kien ikun involut fid-deċiżjonijiet ewlenin kollha fir-rwol tiegħu bħala Ministru tal-Finanzi.
L-evidenza kienet b’rabta mal-kuntratt mogħti mill-gvern lill-Electrogas għall-bini tal-power station. Għat-tliet membri tal-PN qed jidher l-Avukat Peter Fenech, filwaqt li l-Avukati Edward Gatt u Mark Vassallo qed jidhru għal Keith Schembri. Il-każ infetaħ ukoll kontra l-Avukat ta’ l-Istat u l-iSpeaker. Il-kawża tkompli fl-10 ta’ Ottubru li ġej.
//= $special ?>