– Iċ-Chairman il-ġdid tal-FIAU Kenneth Farrugia
Id-direttur tal-FIAU Kenneth Farrugia, li kien involut fl-investigazzjonijiet fuq il-Pilatus, fuq il-kumpaniji sigrieti u fuq ħasil tal-flus kien approvat Chairman tal-FIAU u sostna li fejn il-pulizija għandha informazzjoni dwar ħasil ta’ flus allura għandha tittieħed azzjoni immedjata
Din l-approvazzjoni saret mill-Kumitat Parlamentari dwar il-Kunsiderazzjoni tal-Ħatriet Pubbliċi li ltaqa’ llum f’laqgħa fil-parlament.
Il-Kumitat kien presedut mid-deputat Laburista Chris Agius u għall-Oppożizzjoni pparteċipaw id-deputati Nazzjonalisti Karol Aquilina u Adrian Delia.
Kenneth Farrugia qal li hu serva bħala Direttur tal-FIAU Frar 2017 sa April 2023 u kien ingħażel għal din il-kariga b’sejħa pubblika u wara li saru intervisti.
Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina rrifera lix-xhud għat-23 ta’ Lulju 29018 meta d-deputat Ewropew David Casa kien ippubblika rapport tal-FIAU b’informazzjoni li tħallsu €1.3 miljun li tħallsu minn 17 Black.
Ix-xhud qal li ma jistax iwieġeb fuq investigazzjonijiet tal-FIAU u kkonferma li kien għamel rapport li kien inħareġ dan ir-rapport. Hu xehed li ma jiftakarx jekk kienx semma’ xi persuni u ma ftakarx jekk kienx għamel stqarrija pubblika.
Karol Aquilina fakkru li kien għamel stqarrija pubblika u fiha qal li għandhom jittieħdu passi kontra David Casa. Ix-xhud insista li l-investigazzjonijiet tal-FIAU m’għandhomx ikunu pubbliċi u sostna li hu ħażin li xogħol tal-FIAU li jkun żvelat.
Dan minħabba li l-analisti u l-impjegati li jkunu ħadmu fuq l-investigazzjonijiet ikunu tpoġġew f’riskji kbar. M’għandix problema (dwar l-istqarrija dwar David Casa) għaliex kull investigazzjoni tal-FIAU li tinħareġ fil-pubbliku hi att kriminali u għalhekk kont obbligat li bħala direttur nagħmel rapport lill-pulizija, sostna x-xhud.
Kenneth Farrugia kompla li ma jistax jixhed dwar ir-rapport tal-FIAU u lanqas jista’ jivverifika li dan hu fil-fatt rapport tal-FIAU. Dwar il-ħlasijiet li saru f’kumpanija lil żewġ kumpaniji oħra ta’ Yorgen Fenech, Kenneth Farrugia qal li kull meta kien hemm suspett raġonevoli u kellha każ analitiku, ir-rapport intbagħat lill-pulizija. Hu qal li saru ħafna “xenati” barra l-FIAU u jekk dan ir-rapport hu dak tal-FIAU, allura qed ikun konfermat li “x-xenati” saru għal xejn.
Karol Aquilina qal li dan ir-rapport li għalih qed isir riferenza mar għand il-pulizija, għaddew ħames snin u sal-perjodu li hu kien Direttur tal-FIAU, il-pulizija ma ħadet l-ebda azzjoni.
Mistoqsi jekk dan hux aċċettabbli, ix-xhud qal li b’mod ġenerali, hu stat magħruf li biex tinġabar l-informazzjoni hu eħfef għaliex hemm kooperazzjoni bejn id-diversi FIAUs barranin.
Hu xehed li fuq livell internazzjonali, jeħtieġ li l-proċessi jieħdu inqas ħin biex l-intelliġenza tasal mill-pajjiżi minn fejn tintalab, speċjalment minn barra l-UE. Il-proċess biex tinġabar l-evidenza qed tieħu ż-żmien, sostna x-xhud.
Jekk hemm l-informazzjoni għand il-pulizija allura suppost tittieħed azzjoni, sostna Kenneth Farrugia, li għal mistoqsijiet tad-deputat Nazzjonalista Adrian Delia, xehed li l-pulizija għandha taġixxi meta tħoss li għandha tieħu azzjoni.
Ix-xhud qal li l-FIAU titlob informazzjoni dwar fejn waslu l-investigazzjonijiet tal-pulizija u sostna li dan mhux minħabba nuqqasijiet mill-pulizija iżda jista’ jkun minħabba li l-informazzjoni minn barra ddum biex tiġi.
Karol Aquilina staqsa jekk ix-xhud hux konxju li l-informazzjoni għaddiet għand il-pulizija fl-2016 iżda x-xhud baqa’ ma weġibx. Mistoqsi jekk hux aċċettabbli li fil-Bord tal-FIAU hemm Kummissarju tal-Pulizija li ma wettaqx l-investigazzjonijiet, ix-xhud qal li jekk il-pulizija għandha l-informazzjoni f’idejha mhux ġustifikat li l-pulizija ddum lanqas ġurnata waħda biex tieħu passi.
Ma nistax nindaħal lill-Korp tal-Pulizija, sostna Kenneth Farrugia, li spjega li darba fis-sena l-FIAU titlob informazzjoni dwar f’liema stadju waslu l-investigazzjonijiet tal-pulizija biex ikun stabbilit il-kwalità tar-rapport li qed isiru.
Il-Whip Laburista Andy Ellul intervjena u qal li qed isiru mistoqsijiet ipotetiċi li għalihom ix-xhud ma jistax iwieġeb.
Id-deputat Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-mistoqsijiet qed isiru b’rispett lejn il-pożizzjoni tax-xhud u fil-kuntest tal-prinċipju li l-ġustizzija trid issir f’perjodu raġonevoli.
Kenneth Farrugia qal li r-rapporti tal-investigazzjonijiet tal-FIAU jingħaddu bla ismijiet lill-Kunsill tal-Ewropa iżda ma jistgħux jingħataw lid-deputati Maltin.
Mistoqsi minn Karol Aquilina dwar Operation Green, Kenneth Farrugia qal li ma jistax iwieġeb dwar operazzjonijiet tal-FIAU. Operation Green hi l-ivnestigazzjoni tal-pulizija dwar ħasil ta’ flus minn Keith Schembri u Brian Tonna.
Mistoqsi jekk hux raġonevoli li wara sitt snin għadhom ma ttieħdux passi dwar dawn l-investigazzjonjiet, ix-xhud qal li fejn hemm suspetti raġonevoli l-puliizja m’għandhiex iddum biex tieħu passi.
Kenneth Farrugia qal li Malta kienet tpoġġiet fil-lista l-griża fuq investigazzjoni li saret mill-perjodu tat-2012 sal-2017 u żied li kull fejn ingħata rakkomandazzjonijiet biex is-sitwazzjoni titjieb, hu għamel l-almu tiegħu biex ikun hemm titjib.
Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina staqsa lix-xhud jekk hux konxju li meta kien Direttur tal-FIAU, fil-pajjiż kien hawn sensazzjoni li ħadd ma ried jagħmel xejn mill-istituzzjonijiet quddiem il-każi ta’ ħasil ta’ flus. Kenneth Farrugia qal li meta daħal hu sab sitwazzjoni diffiċli fl-FIAU iżda rnexxielu jdawwar ir-rota.
Ix-xhud qal li hemm ukoll l-inkjesti maġisterjali u kompla li meta l-investigazzjonijiet ikunu mitmuma, l-pulizija għandha tressaq imemdjatament. Nassumi li għadhom ma tressqux nies il-qorti, għaliex il-kwadru għadu mhux komplut, sostna x-xhud, li kompla jekk l-istampa sħiħa ingħaqdet u ma tressaq ħadd, allura hemm att kriminali.
Kenneth Farrugia kompla li bħala Direttur tal-FIAU hu kien responsabbli mill-investigazzjoni
Id-deputat Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-fatti huma li, minkejja l-progress li qed jingħad li saru fl-FIAU, fl-aħħar 10 snin ma tressaq ebda politiku dwar ħasil ta’ flus. Hu staqsa lix-xhud xi strateġija għandu biex xi darba jitressqu politiċi l-qorti.
Kenneth Farrugia wieġeb li waħda mis-soluzzjonijiet għandha tkun li jitjieb il-pakkett ta’ intelliġenza li l-FIAU tibgħat lill-pulizija waqt li jsru MOUs ma’ FIAUs barranin. Hu ppropona li jkun hemm iktar koordinazzjoni bejn l-FIAU, il-pulizija, s-Serviszi Sigrieti u l-Avukat Ġenerali.
Id-deputat Nazzjonalista Adrian Delia għamel riferenza dwar is-sentenza tal-qorti fuq Vitals u Steward li ddikjarat li kien hemm frodi minn fondi pubbliċi ta’ €400 miljun u staqsa jekk dan hux każ li fuqu l-FIAU tista’ tibda investigazzjoni. Kenneth Farrugia qal li ħafna minn dawn il-każi jkunu kkunsidrati.
Għal iktar mistoqsijiet mid-deputati Nazzjonalisti, Kenneth Farrugia qal li għandu fiduċja f’Alfred Zammit, l-Aġent Direttur tal-FIAU. Alfred Zammit kien ħareġ ittra li fiha qal li m’hemmx xejn ħażin fil-Bank Pilatus. Dwar dan, Kenneth Farrugia qal li kienet saret spezzjoni mill-FIAU fil-Bank Pilatus fejn id-Direttur Manfred Galdes kien iddeċieda li l-uffiċjali tal-Bank jerġgħu jmorru għand il-Pilauts biex ikunu verifikati r-rapporti li għamlu l-Pilatus.
Dan kien f’Awwissu 2016, spjega x-xhud li kompla li meta reġgħu marru għand il-Pilatus, instab li kollox kien tajjeb u s-sitwazzjoni kienet rimedjata. L-affarijiet setgħu saru aħjar kemm fuq l-ittra (ta’ Alfred Zammit) kif ukoll fuq il-proċess tal-Bank Pilatus, sostna Kenneth Farrugia, li ma weġibx jekk kellux kuntatti mal-Gvern Amerikan fuq Ali Sadr.
Karol Aquilina irrimarka lix-xhud li jirriżulta li hu kellu kuntatti kontinwi mal-Gvern Amerikan fuq Ali Sadr, li kien informat bil-proċeduri kriminali kontra Ali Sadr fl-Amerika u anki fuq il-mod mhux magħruf kif twaqqgħu l-akkużi kontra Ali Sadr. Ix-xhud ċaħad li kien parti minn ftehim sigriet li sar mal-Gvern Amerikan fuq Ali Sadr u li kellu trattattivi mal-Ambaxxata Amerikana.
Kenneth Farrugia qal li ma jaħsibx li l-kariga li għandu bħalissa ta’ Kap Eżekuttiv tal-MFSA u jekk kun appuntat Chairman tal-FIAU huma wisq għalih u ma jarax konflitt; anzi jemmen li l-FIAU għandu jaħdem flimkien mal-MFSA.
Dwar il-Bank Pilatus, Kenneth Farrugia qal li fl-2021 l-FIAU ħarġet multa ta’ €5 miljuni fuq il-Bank Pilatus minħabba n-nuqqasijiet li nstabu. F’April 2018, il-Bank Pilatus kien tpoġġa taħt superviżjoni minħabba l-kwistjoni tal-passi kontra Ali Sadr u minħabba informazzjoni li bdiet tinġabar mill-Bank.
Kenneth Farrugia xehed li l-Bank Pilatus kellu klijentela restrittiva u qal li ma jistax jgħid jekk ittieħdux passi dwar persuni esposti politikament (PEP). “Ma ngħidx li ma sar xejn għax ma nafux x’qed tagħmel il-pulizija”, sostna Kenneth Farrugia, li kompla li ma tressaq ħadd il-qorti.
Ix-xhud qal li fl-2017 ma kienx hemm sigurtà fl-FIAU biex l-investigazzjonijiet tal-FIAU ma jinħarġux fil-pubbliku u sostna li ma ttieħdux azzjonijiet fuq ħruġ ta’ informazzjoni mill-FIAU.
Hu ma weġibx jekk għamilx rapport fuq il-Panama Papers u mar bih għand il-pulizija. Fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia jirriżulta li fil-fatt sar dan ir-rapport. Ix-xhud qal l-FIAU tagħmel 100 rapport fis-sena li tgħaddihom lill-pulizija.
Mitlub minn Adrian Delia biex jagħti garanzija li l-FIAU se tinvestiga l-każ tal-isptarijiet, Kenneth Farrugia qal li l-FIAU taħdem fuq kull każ fejn hemm suspett.
Fi tmiem ix-xhieda ta’ Kenneth Farrugia, il-kumitat iddiskuta din ix-xhieda.
Il-membri tal-gvern ivvutaw fvaur in-nomina ta’ Kenneth Farrugia bħala Chairman tal-FIAU waqt li l-membri tal-Oppożizzjoni vvutw kontra. Billi l-gvern għandu l-maġġoranza f’dan il-kumitat, in-nomina ta’ Kenneth Farrugia kienet approvata.
//= $special ?>