Atletika Sport

Imħabbra d-dettalji tal-edizzjoni ta’ din is-sena tal-EAP Malta International

Norman Saliba, ko-ordinatur tal-avveniment annwali tal-atletika, il-European Athletics Promotional Malta International, ta dettalji dwar l-edizzjoni ta’ din is-sena.

Kompetizzjoni li tagħmel parti minn serje ta’ kompetizzjonijiet tal-atletika madwar l-Ewropa, organizzati minn membri msieħbin fl-EAP.

Fl-2023 b’kollox ser ikunu saru 14-il Meeting f’9 pajjiżi Ewropej. Atleti tal-Klabb ta’ Pembroke Athleta, kull sena jkollhom numru ta’ opportunitajiet sabiex jieħdu sehem f’kompetizzjonijiet barra minn Malta fuq bażi reciproka.

Madankollu f’dawn il-kompetizzjonijiet jistgħu jipparteċipaw atleti oħra b’mod li l-livell tekniku tal-kompetizzjoni jkun wieħed għoli.

Din is-sena se jipparteċipaw mitt atleta barrani fejn tul l-edizzjonijiet organizzati minn Pembroke Atleta mill-2018 inġiebu Malta mat-300 atleta u 40 uffiċjal barrani. Din is-sena se jipparteċipaw 220 atleta fosthom aktar minn 90 Malti b’parteċipazzjoni ta’ seba’ delegazzjonijiet membri minn 24 pajjiż fosthom l-Awstralja, l-Afrika u l-Amerika t’isfel.

Ir-raba’ edizzjoni tal-EAP Malta International, se jssir fit-8 ta’ Lulju fl-Istadium tal-Atletika fil-Marsa, fejn din is-sena l-avveniment ingħata status ta’ WORLD ATHLETICS CONTINENTAL TOUR – CHALLENGER MEETING inkluż fil-kalendarju tal-World Athletics u matulu atleti jistgħu jiksbu ranking points.

L-attenzjoni għandha tkun fuq Samantha Dale, Ella Connolly u Christopher Mitrewksi tal-Awstralja u Tomas Nemejc tar-Repubblika Ċeka u l-Maltin Janet Richard, Jeremy Zammit, Graham Pellegrini, u Claire Azzopardi.

Preżenti wkoll Mark Cutajar, Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta li rrefera għal mument pożittiv li għaddejja minnu l-atletika lokali u importanti li dan il-momentum jitkompla b’dan l-avveniment internazzjonali.

L-Atleta Janet Richard ikkummentat li tħossa eċċitata li ser ikolla l-opportunità li tikkompeti kontra atleti barranin ta’ livell mondjali li jistgħu jgħinuha tkompli ttejjeb il-prestazzjoni tagħha. Finalment appellat lil-pubbliku sportiv sabiex jattendi u jagħti l-appoġġ tiegħu.