Is-Segretarju-Ġenerali tan-NATO, Jens Stoltenberg, se jibqa’ imexxi lill-Alleanza għal sena oħra wara qbil dwar estensjoni tal-mandat tiegħu li kellu jiskadi f’Ottubru.
Dan ukoll wara li l-31 Stati tan-NATO iddeċidew biex iżommu lilu bħala Kap tal-Alleanza minflok jaħtru Kap ġdid – u wara li l-Ministru tad-Difiża Britanniku Ben Wallace kien qed jissemma fost il-favoriti biex jassumi dan ir-rwol importanti.
Hu minnu li t-terminu ta’ Stoltenberg, qabel, kien diġà estiż tliet darbiet, b’din il-konferma tfisser li hu se jagħlaq għaxar snin bħala Segretarju-Ġenerali tan-NATO.
Intant, is-sinjali huma li l-pajjiżi tan-NATO iridu jaċċertaw minn kontinwità u esperjenza fi żmien mill-aktar delikat għad-dinja u speċjalment meta għadha għaddejja l-gwerra qalila fl-Ukrajna.
Il-mandat ġdid għal Stoltenberg, li għandu 64 sena, jibqa’ effettiv sal-Ewwel ta’Ottubru tal-2024.
Dan waqt li l-Kap tan-NATO enfasizza mill-ġdid li l-Alleanza tal-Punent hi aktar importanti minn qatt qabel f’dinja li qed issir aktar perikoluża.
Jens Stoltenberg, Norveġiż, hu ekonomista u eks Prim Ministru ta’ pajjiżu. Intant, il-potenzi tal-Punent huma konvinti mill-kapaċitajiet tiegħu biex imexxi l-Alleanza – bis-summit li jmiss tan-NATO għandu jsir f’Vilnius, fil-Litwanja.
Qed ikun allegat li l-Istati Uniti u Stati oħrajn tan-NATO mexxew lobbying sigriet bil-għan li jkompli l-istatus quo fit-tmexxija tal-Alleanza. Dan fost spekulazzjoni li l-Amerikani żammew lura milli jappoġġjaw lil Ben Wallace, li wkoll għandu l-kwalifiki meħtieġa biex imexxi lill-Alleanza u li kien tkellem bil-miftuħ dwar l-ambizzjojnijiet tiegħu biex jassumi din ir-responsabbiltà.
Ben Wallace kien anki l-għażla preferuta ta’ diversi pajjiżi Ewropej tal-Lvant minħabba l-mod effiċjenti kif hu supplixxa l-armamenti lill-Ukrajna biex tiddefendi ruħha kontra l-aggressjoni tar-Russja, Madankollu, qed jidher ċar, issa, li Wallace ma rnexxilux jikseb l-appoġġ mingħand ċerti Stati influwenti – bis-Segretarju tal-Istat Amerikan, Antony Blinken, jiċħad li l-Istati Uniti ‘setgħet influwenzat l-għażla tal-kandidat f’din is-sitwazzjoni’.
//= $special ?>

