Aggressur – x’aktarx li militanti Palestinjan – inqatel ftit wara li kien saq il-karozza tiegħu direttament għal fuq in-nies li kienu għaddejjin għall-affari tagħhom fil-belt ta’ Tel Aviv.
L-aħħar rapporti qalu li ndarbu talanqas seba’ – tlieta minnhom serjament – fl-inċident u li ċittadin li kien fuq il-post spara fuq l-aggressur li spiċċa ‘newtralizzat’ fuq il-post.
Ir-rapporti qalu li l-aggressur saq il-karozza b’veloċità kbira fid-direzzjoni ta’ folla li kienet qed tistenna barra ċentru kummerċjali u wara li tajjar numru ta’ nies, hu ħareġ mill-karozza armat b’sikkina u fejn ħebb għan-nies li nzertaw quddiemu.
Il-Pulizija qalet li, ftit sekondi wara, intervjena ċittadin ‘kuraġġjuż’ li spara fuq l-aggressur u qatlu.
Intant, il-grupp Hamas tal-militanti Palestinjani ħareġ stqarrija biex jassumi responsabbiltà għall-attakk li fissru bħala wieħed ‘erojku’ u li qal li twettaq minn membru tal-grupp biex ‘jivvendika r-rejd kbir tal-Iżraeljani li għaddej bħalissa fix-Xatt tal-Punent’.
Il-kelliema għall-Hamas, fl-istqarrija, faħħru l-attakk f’Tel Aviv bħala ‘reazzjoni ġustifikata għall-massakri kontinwi tal-Palestinjani fix-Xatt tal-Punent li ilu snin ibati l-effetti tal-okkupazzjoni brutali (minn Iżrael)’.
//= $special ?>

