Raġel ta’ 30 sena residenti l-Mosta, ngħata probation ta’ tliet snin wara li nstab ħati li l-Ġimgħa agredixxa u weġġa’ ħafif lill-eks sieħba tiegħu fis-Siġġiewi. L-inċident seħħ wara li r-raġel skopra li t-tfajla kienet bdiet toħroġ ma’ ħaddieħor.
L-Ispettur Colin Sheldon qal lill-Maġistrat Nadine Lia li l-aggressjoni seħħet tard filgħaxija. L-akkużat li ġie mixli u nstab ħati wkoll fuq ammissjoni li dakinhar ikkawża biża’ li se juża vjolenza kontra l-eks tfajla tiegħu, li ħebb għaliha u li heddidha.
Min-naħa tagħha, il-prosekuzzjoni ssuġġeriet lill-Qorti sabiex tikkunsidra piena alternattiva għal dik karċerarja għax intqal li dan l-inċident kien frott ta’ emozzjonijiet wara li l-akkużat kien riċentament ħassar minn mal-eks sieħba tiegħu li kienet bdiet relazzjoni ġdida.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Maġistrat Lia qalet li hija tal-fehma li piena ta’ ħabs f’dan l-istadju mhix se tħalli l-frott li wieħed ikun qed jistenna, anzi l-kuntrarju. Kien b’hekk, li l-Maġistrat ħarġet ordni ta’ probation, ta’ trażżin u ta’ trattament għal tliet snin fil-konfront tal-akkużat.
//= $special ?>