Lokali

Stefan Zrinzo Azzopardi qed jiġi mwarrab biex tonqoslu s-saħħa fid-distrett

Robert Abela jwarrab lil Stefan Zrinzo Azzopardi u fl-Ippjanar ipoġġi lill-ħabib tiegħu Oliver Magro

Fil-jiem li għaddew il-midja tal-Partit Nazzjonalista – b’mod mill-aktar sistematiku u dirett – kixfet għadd ta’ inkwiet intern fil-Partit Laburista sforz il-ġlied intern bejn fazzjonijiet diversi.

Kollox jindika li tal-Partit Laburista xejn mhuma kuntent b’din l-informazzjoni sensittiva u kontinwa fir-rigward ta’ dak li qed jiġri internament fil-Partit li qed tispiċċa tinħareġ minna fil-midja tagħna.

Sadattant illum nistgħu niżvelaw kif għal xi raġuni jew oħra ta’ Kastilja m’għadhomx iħarsu b’mod sabiħ lejn il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi li filwaqt li fuq il-karta hu l-persuna respnsabbli mill-Awtorità tal-Ippjanar, imma fil-verità qed jirriżulta li m’għandu l-ebda say għaliex il-persuna fdat minn ta’ Kastilja hu Oliver Magro li f’Diċembru li għadda nħatar Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Stefan Zrinzo Azzopardi, kandidat fuq l-istess distrett elettorali li fuqu joħroġ Robert Abela – jiġifieri l-Ħames Distrett – qiegħed iħoss li hu qed jiġi mwarrab proprju biex tonqoslu s-saħħa fid-distrett.

Anzi l-analiżi tiegħu tmur ftit lilhinn minn hekk għaliex hu qed jilmenta li filwaqt li hu qed ikun proġettat bħala l-persuna responsabbli mill-ħerba ambjentali li hawn f’pajjiżna grazzi għall-iżvilupp bla rażan approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar, ħaddieħor qed jispiċċa joħroġ ifuh grazzi għal fondi ma jispiċċaw qatt biex jagħmel kapital minnhom għat-taparsi ħarsien tal-ambjent (Project Green).

Hu evidenti li Robert Abela ma jridx li jkollu ismu assoċjat mal-Ippjanar iżda fl-istess waqt poġġa bniedem tiegħu bħala Kap Eżekuttiv ġdid tal-Awtorità tal-Ippjanar u tah is-saħħa kollha biex imexxi hu din l-Awtorità tant importanti. Filwaqt li Stefan Zrinzo Azzopardi litteralment spiċċa b’id waħda wara u l-oħra quddiem… ma jista’ jagħmel xejn quddiem is-saħħa ta’ Oliver Magro.

Sorsi infurmati li tkellmu ma’ In-Nazzjon żvelaw magħna li fil-verità kollox jindika li Stefan Zrinzo Azzopardi u dawk madwaru fil-Ministeru ftit li xejn ikunu jafu x’qed jiġri fl-Awtorità tal-Ippjanar fejn kollox hu maħdum b’tali mod li l-Uffiċċju tal-Kap Eżekuttiv ikun mgħarraf b’kull pass li jkun se jittieħed.

Qed jirriżulta wkoll li tal-Ministeru qed jispiċċaw jinħarqu meta jkunu jafu li anki taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista qed imorru direttament għand l-Uffiċċju ta’ Oliver Magro għal dak kollu li jkollhom bżonn filwaqt li lilu litteralment qegħdin jaqbżuh u jinjorawh.

L-istess, wara kollox, kif qed jagħmlu dawk ta’ Kastilja li fl-eżerċizzji tagħhom ta’ customer care, qed jirrikorru direttament għand il-persuna li tikkolega Kastilja mal-Awtorità tal-Ippjanar… bil-Ministeru ta’ Stefan Zrinzo Azzopardi mogħti l-ġenb u mwarrab.

Stefan Zrinzo Azzopardi qiegħed iħoss li l-affarijiet fil-konfront tiegħu fl-aħħar xhur inbidlu ħafna u filwaqt li qabel kien jemmen li kien fil-good books ta’ Kastilja, issa qed iħoss li m’għandux jinżel daqstant tajjeb magħhom.

Il-probabbiltà l-kbira hi li diskors fil-magħluq imlissen minn Stefan Zrinzo Azzopardi spiċċa twassal Kastilja u hekk spiċċa ttieħed fuq demm id-dars!

Jekk imbagħad nibdlu r-raġunamenti tagħha għar-rigward tal-Ħames Distrett Elettorali tajjeb li nfakkru li Stefan Zrinzo Azzopardi qed jikkontesta fuq Distrett Elettorali xejn faċli li fuqu jikkontestaw ukoll, fost l-oħrajn, Robert Abela, Miriam Dalli, Owen Bonnici u Julia Farrugia Portelli.

Stefan Zrinzo Azzopardi jaf li għandu għadma iebsa ħafna fil-konfront tal-kandidatura ta’ Robert Abela, imma anki fil-konfront tal-kandidatura ta’ Miriam Dalli li m’għandha x’taqsam xejn mal-Ippjanar, anzi, grazzi għal Project Green tista’ tkompli ssaħħaħ il-kandidatura tagħha.

Sadattant hemm fix-xena wkoll Owen Bonnici u dawk tiegħu spiss ifakkru li wieħed ma jridx jinsa kif ftit tax-xhur ilu l-Maġistrat Josette Demicoli kienet ordnat biex tissokta investigazzjoni maġisterali b’rabta mal-użu ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ewro minn fondi pubbliċi u Ewropej biex jinbena ħajt tas-sejjieħ għoli f’parti remota u rurali ta’ Ħad-Dingli. Kien ingħad li dan il-ħitan partikulari kien iwassal għall-kumpless tan-nar abbandunat li s-sidien tiegħu jridu jbiddluh f’lukanda!

Tajjeb li nfakkru li l-persuni taħt il-lenti ta’ dik l-investigazzjoni kienu l-istess Stefan Zrinzo Azzopardi, li dakinhar kien responsabbli mill-Fondi Ewropej fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru kif ukoll il-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli.

Dik l-investigazzjoni maġisterjali kienet skatat kienet immaturat wara li l-Maġistrat Josette Demicoli kienet rat u fliet numru ta’ dokumenti wara li kien sar ilment formali minn resident tal-istess lokalità.

Dakinhar il-Maġistrat Josette Demicoli kienet ikkonkludiet li teżisti l-possibbiltà li twettqu atti kriminali li jġorru piena ta’ aktar minn tliet snin priġunerija.

L-ilment ipprovda evidenza kif f’żona rurali, qrib l-irdum ta’ Ħad-Dingli kif ukoll f’sit ta’ Natura 2000, kien trasformat permezz tal-bini ta’ ħajt tas-sejjieħ twil madwar kilometru fi Triq Bufula u dan mingħajr ebda ppjanar u permessi iżda bl-użu ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea.