Lokali Sport

Tintemm b’suċċess l-isfida tal-ALIVE 2023 fi Spanja

Grupp ta’ 35 ċiklisti Maltin ipparteċipaw fl-isfida tal-ALIVE 2023 fi’ Spanja.

Iċ-ċiklisti saqu min Barcelona għal Sangtiago de Compostela, fejn għaddew ukoll minn Pyrenees u Bilbao, għal distanza ta’ tul ta’ 1300km. Din l-isfida kienet twila sebat ijiem, u affaċjaw sfidi ta’ sħana, maltemp u kif ukoll ħafna telgħat diffiċli.

L-NGO Alive Charity Foundation qalet li ċ-ċiklisti rnexxielhom iwettqu din l-isfida minħabba li kellhom għan b’saħħtu – li jiġbru l-flus għar-riċerka tal-kanċer. Meta ftakru fit-tbatija li jgħaddu minnha l-pazjenti tal-kanċer u l-familji tagħhom, huma kellhom l-ispirazzjoni biex huma jkomplu għaddejjin.

Kull jum kien simbolu għal xi esperjenza. L-ewwel jum kien iddedikat għal kull min għadhu kif beda l-battalja tiegħu mal-kanċer, u t-tieni jum kien iddedikat għal ħbieb u l-familja li bħalissa qed jiġġieldu kontra l-kanċer. It-tielet jum kien iddedikat għal kull min tilef il-battalja tiegħu kontra l-kanċer, filwaqt li r-raba jum kien iddedikat għal kull min qatt tilef lil xi ħadd viċin tiegħu minħabba l-kanċer. Il-ħamest jum kien iddedikat għal professjonisti tas-saħħa u l-carers li kuljum jaħdmu biex jgħinu u jsalvaw il-ħajjiet ta’ dawk morda bil-kanċer. Is-sitt jum kien iddedikat għal kull min qatt iġġieled kontra l-kanċer u għal kull min ibati min xi mard kroniku jew terminali. L-aħħar jum kien iddedikat għax-xjentisti u kull min jagħmel ir-riċerka biex xi darba tinsab il-kura għal din il-marda tant kiefra.

Wieħed miċ-ċiklisti, Alex Meilak, tkellem ma’ The Malta Independent u semma kif huma ingħataw proġramm ta’ taħriġ ta’ 18-il ġimgħa, u kif kellhom jitħarġu madwar 20 sa 25 siegħa fil-ġimgħa. Hu sostna li għal sfida bħal din hemm bzonn ukoll tkun preparat mentalment, u li jkollok tim b’saħħtu li jaħdem sew flimkien. Hu qal ukoll li ċ-ċiklisti kollha kienu ddeterminati li bħal ma bdew din l-isfida flimkien, ilestuha flimkien … bħalma filfatt għamlu.