Internazzjonali Lokali

Żjara Statali tal-President ta’ Malta fil-Greċja

Il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Vella dalgħodu ħallew Malta għal Żjara Statali fil-Greċja.

Matul iż-żjara, il-President Vella se jkollu laqgħa uffiċjali mal-President tal-Greċja, Katerina N. Sakellaropoulou.

Din iż-Żjara Statali ssegwi ż-żjara li l-President Sakellaropoulou għamlet f’Malta għal-laqgħa informali tal-Kapijiet ta’ Stat Mhux Eżekuttivi tal-Unjoni Ewropea, magħrufa bħala l-Grupp Arraiolos, li saret f’Ottubru li għadda.

L-impenji tal-President f’Ateni jinkludu wkoll laqgħa mal-Prim Ministru tal-Greċja, Kyriakos Mitsotakis, li reġa’ ġie elett fil-kariga ftit tal-jiem ilu.

F’Ateni, il-President u s-Sinjura Vella mistennija jiltaqgħu wkoll mal-komunità Maltija fil-Greċja.

Id-delegazzjoni tal-President ta’ Malta fil-Greċja tinkludi lill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo.

Sakemm il-President George Vella jkun impenjat biż-Żjara Statali fil-Greċja, il-Professur Frank Bezzina se jservi fil-kariga ta’ Aġent President ta’ Malta. Il-President u s-Sinjura Vella jiġu lura Malta nhar il-Ħamis 6 ta’ Lulju.