Fi kliem id-Direttur tas-Soup Kitchen tal-Belt Valletta, Fr Marcellino Micallef, bħalissa qed ikollhom madwar 100 persuna kulljum illi jmorru s-Soup Kitchen biex jieklu. Dan apparti nies li qed imorru f’dan il-post sa minn filgħodu kmieni, sabiex ikunu jistgħu jinħaslu.
F’intervista ma’ Net News, Fr Marcellino semma kif l-istaġun tas-sajf hu partikolarment diffiċli għal min m’għandux saqaf fuq rasu, u kif dawn in-nies qed isibu l-kenn u l-għajnuna fis-Soup Kitchen – li mhux biss tipprovdi ikel, iżda tipprovdi wkoll diversi servizzi oħrajn għal dawk fil-bżonn.
Kif fisser Patri Marcellino Micallef bħalissa huma qed jassistu lil ħafna nies li spiċċaw qed jagħmlu għażla bejn l-ikel jew il-mediċina, hekk kif il-problema tal-għoli tal-ħajja qed tippersisti.
NET News tkellem ukoll ma’ voluntier li jgħin f’din il-kċina, u li ddeskriva l-inġustizzji li jaffaċjaw in-nies li jżuru s-Soup Kitchen.
Hu semma wkoll kif il-problema ta’ nies mingħajr saqaf fuq rashom hija problema kbira f’pajjiżna, u kif dawn in-nies ħaqqhom ikollhom dinjità daqs kulħadd.
Ix-xogħol tas-Soup Kitchen tant qed ikun ta’ ispirazzjoni li dan l-aħħar ingħataw il-Premju “Ċittadin Ewropew” wara li ġew nominati mill-MEP David Casa.
Is-Soup Kitchen laqgħet madwar 30,000 persuna s-sena li għaddiet, u għenet aktar minn 80 persuna biex isibu impjieg f’dawn l-aħħar sentejn.
//= $special ?>