7 xhur ta’ niket. 7 xhur mingħajr tweġibiet. 7 xhur ta’ ta’ vojt bla mistenni. 7 xhur ta’ appelli ġenwini injorati.
7 xhur twal fejn omm, qraba u ħbieb taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia ilhom jappellaw lil Robert Abela u sħabu sabiex isejħu għal inkjesta pubblika bil-għan li ħadd ma jitlef lil xi ħadd għażiż kif huma tilfu lil Jean Paul – sabiex l-ebda omm oħra ma tgħaddi mill-istess dulur.
Madanakollu wara 7 xhur, fost attakki minn naħa ta’ Robert Abela fil-konfront tal-Maġistrat Marsanne Farrugia, u qalb it-tkaxkir tas-saqajn tal-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà – ħadd għadu ma ġie arrestat b’rabta mat-traġedja li ħatfet il-ħajja ta’ Jean Paul Sofia, meta spiċċa taħt 4 sulari konkos f’Kordin.
U wisq inqas ma ġiet imsejħa inkjesta pubblika bil-għan li filwaqt li tkun għaddejja l-inkjesta maġisterjali sabiex jiġi investigat il-każ…hekk ukoll fl-istess waqt għandha ssir inkjesta pubblika sabiex traġedji bħal dawn jiġu evitati kemm jista’ jkun.
Il-Partit Nazzjonalista kemm-il darba saħaq dwar il-bżonn li dawn l-appelli jingħataw widen, sabiex mill-paroli ngħaddu effettivament għal fatti – mingħajr ma’ l-Gvern jagħti l-impressjoni li qed jiprova jgħatti aġir ta’ persuna jew oħra – mingħajr mal-Gvern jibqa’ jinjora l-appelli ta’ din l-omm.
L-Erbgħa filgħodu, Net News staqsa lil uħud mill-membri tal-Kabinett ta’ Abela fejn skomdi għall-aħħar ħadd minnhom ma żbilanċja jgħid x’se jkun qiegħed jivvota fil-Parlament.
Mistoqsija minn Net News, wara li ftit tal-jiem ilu qaltilna li se tkun qed tagħmel skont ma jiddettalha l-Partit Laburista, is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said għal darb’oħra ma qaltilnix x’inhi l-ordni li ħierġa minn Kastilja; iżda din id-darba qaltilna wkoll li se tistenna l-inkjesta Maġisterjali tintemm.
Mill-banda l-oħra l-Ministru Michael Falzon qalilna illi kemmxejn diffiċli li dat-tip ta’ inċidenti ma jseħħux.
Dan filwaqt li l-Ministru Anton Refalo qalilna illi irid jisma x’se jkun qiegħed jingħad fid-dibattitu qabel jieġu deċiżjoni.
Għaldaqstant filwaqt li fadal inqas minn 24 siegħa għad-dibattitu Parlamentati, id-Deputati tal-Labour li staqsejnihom din id-domanda diretta għadhom mingħajr tweġiba. U aktar minn mitejn ġurnata wara l-mewt ta’ Jean Paul Sofia, ….ommu, qrabatu, sħabu għadhom qed jappellaw għal inkjesta pubblika.
//= $special ?>