Il-Pulizija kellha tintervjeni wara kommossjoni li qamet f’San Pawl il-Baħar.
Fil-filmati li qed jaslu għand Net News jidher raġel, li sorsi qalulna li hu ta’ nazzjonalità barranija, joħroġ fil-gallarija ta’ residenza fit-tieni sular fi Triq Bordino għall-ħabta tad-9am u jwaddab l-affarijiet minn fuq għal isfel. Fost l-affarijiet li jidher li beda jwaddab hemm platti u siġġijiet, bl-affarijiet spiċċaw kollha mifruxin tul it-triq kollha.
Hekk kif wasslu fil-post, il-Pulizija sabu lir-raġel għadu għaddej bl-istess azzjoni, iwaddab kulma jsib quddiem għajnejh għal nofs it-triq. F’mument minnhom, jidher ikisser ir-railing tal-gallarija, bil-ħġieġ jaqa’ quddiem uffiċjal tal-Pulizija eżatt qabel kien dieħel fuq ġewwa tar-residenza.
Persuna fuq ġewwa jinstema’ jitkellem mar-raġel, jipprova jikkonvinċih jidħol ġewwa.
Mhux magħruf x’wassal għal dan kollu, bil-Pulizija arrestatu biex ikunu jistgħu jsiru l-investigazzjonijiet dwar dan il-każ.