Beppe Fenech Adami, PN
Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami sostna li bħal kull dritt ieħor, id-dritt tal-espressjoni artistika, mhux dritt assolut iżda jieqaf meta jirfes fuq id-drittijiet ta’ ħaddieħor jew jikkalpesta drittijiet fundamentali li l-poplu jgħożż.
Fil-parlament Beppe Fenech Adami qal li din hi liġi li titratta suġġett li dejjem qed isir iktar importanti u rilevanti fid-dinja mgħaġġla tal-lum. Hu sostna li dan hu suġġett jaħraq tad-dritt tal-espressjoni artistika f’soċjetà demokratka.
Hu tkellem dwar jekk għandux ikun hemm xi limitazzjonijiet fuq id-dritt tal-espressjoni artistika u ta’ dawk li jaħdmu fis-settur tal-arti u qal li l-espressjoni artistika hi l-mera tas-soċjetà li tirrifletti l-akbar ġrajjiet ta’ poplu u tal-individwu.
L-arti tesponi l-karattru tal-artist, tas-soċjetà u tal-pajjiż. L-arti tesprimi l-akbar kisbiet ta’ kull artist u ta’ nazzjon u jirriflettu t-tamiet tal-artist, il-ferħ, il-weġgħat u l-weġgħat ta’ dawk li jkunu qed jirċievu. L-arti u l-espressjoni artistika huma ċ-ċavetta li jipprovakaw il-ħsieb u bidla li ħafna jaħsbu li ma jinbidel qatt.
Hu qal li f’kull demokrazija hemm valuri fundamentali fosthom il-libertà tal-espressjoni li hi l-pedament f’kull soċjetà miftuħa u tolleranti u f’kull demokrazija.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li bħal kull dritt ieħor, dan id-dritt tal-espressjoni artistika mhux dritt assolut u jieqaf meta jirfes fuq id-drittijiet ta’ ħaddieħor jew jikkalpesta drittijiet fundamentali li l-poplu jgħożż.
Għalhekk is-soċjetà trid titqabad biex ikun hemm bilanċ bejn id-dritt tal-espressjoni artistika u d-drittijiet tal-persuni terzi u l-ħarsien tal-valuri fundamentali li jsawru s-soċjetà. Hu semma’ l-liġijiet li l-pajjiż għandu f’dan il-kuntest fosthom dik tal-malafama u l-liġijiet li jipprojibixxu d-diskors ta’ mibgħeda.
Filwaqt li l-libertà tal-espressjoni artisitika għandu jkollha parametri fosthom li ma tippromivix il-mibgħeda jew li xxerred ir-razziżmu, din il-libertà għandu jkollha limitu biex ma xxerridtx mibgħeda fosthom fuq il-komunità tal-persuni LGBT jew fuq l-insara prattikanti.
L-espressjoni artistika m’għandhix tasal sal-livelli li xxerred il-gidba li l-Olokawst ma seħħx, li min hu ta’ ġilda sewda ma jistħoqqlux rispett jew li l-persuni b’diżabbiltà huma bla valur fis-soċjetà. Dan m’għandu jkun qatt, sostna Beppe Fenech Adami, li kompla li l-ebda forma ta’ espressjoni artistika m’għandha tippermetti dan.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-ikbar sfida hi li biex issir protezzjoni, il-liġijiet inaqqsu l-libertà tal-espressjoni u jnaqqsu l-kreattività waqt li jnawwru t-tessut demokratiku. Hu ta eżempju ta’ dak li qed iseħħ barra minn Malta fejn irrifera għal dak li qed iseħħ fir-Russja fejn l-artisti li jikkritikaw lill-gvern Russu jew lill-gwerra fl-Ukrajina jiġu mlaqqma tradituri tal-pajjiż, ikunu mressqa l-qorti u jiġu mibġgħuta l-ħabs.
Beppe Fenech Adami fakkar kif taħt gvern Laburista, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ġiet mgħajra tarditura għax tesprimi opinjoni u sostna li dan hu dak li għandu jkun evitat.
Kull forma ta’ ċensura mhux biss tillimita d-dritt tal-epsressjoni artistika tal-artist iżda ċċaħħad lill-udjenza iegħu mid-dirtt li jirċievu u jingaġġaw f’dibattitu dwar perspettivi u ideat ġodda.
Id-deputat Nazjzonalista appella biex il-pajjiż jipproteġi d-diversità tal-ħsieb, li kull persuna tepsoni lilha nnfisha għal ħsibijiet u perspettivi differenti u li l-pajjiż ma jibżax mid-diversità fil-ħsieb.
Hu appella wkoll biex il-pajjiż jimmatura u biex l-artisti jgħarfu l-qawwa tal-pinna, tal-kanzunetti, tal-pitturi u tad-diskorsi tagħhom. Il-PN għandu fiduċja fl-artisti li kapaċi jgħarfu l-linji tad-diċenzja, tar-rispett u tad-dinjità.
Hu sellem il-memorja tal-mużiċist Andrew Schembri, li miet fl-aħħar ġranet u qal li dan il-mużiċist uża t-talenti tiegħu biex ferraħ u wassal il-messaġġ tiegħu. Hu qal li l-Oppożizzjoni taqbel mal-liġi li qed iressaq il-gvern iżda qed tipproponi bidliet żgħar għall-benefiċċju tas-soċjetà.
//= $special ?>