Lokali Parlament

Iktar bdiewa għandhom jingħaqdu fil-kooperattivi

Ivan Castillo, PN

Id-deputat Nazzjonalista Ivan Castillo appella biex iktar bdiewa jingħaqdu f’kooperattivi biex isaħħu l-futur tagħhom u tas-settur.

Fil-parlament Ivan Castillo qal li l-ilma tat-tieni klassi hu proġett pożittiv u appella biex dan ikun imwassal għand il-bdiewa kollha. Hu tkellem kontra d-diskriminazzjoni bejn il-bdiewa li għandhom aċċess għall-ilma tat-tieni klassi u dawk li m’għandhomx. Għalhekk jeħtieġ li jkun hemm mezzi ugwali biex il-bdiewa kollha jkunu fl-istess livell.

Id-deputat Nazzjonalsta appella biex jittieħdu azzjonijiet kontra l-abbużi li hemm fl-ilma tat-tieni klassi. Hu qal li l-impjanti u l-magni qed jikbru biex l-iskart tal-annimali ma jitħallattx.

Dwar l-isfidi fis-settur agrikolu, Ivan Castillo qal li sfida minnhom hi l-propju l-futur tas-settur. Hemm fuq 1,200 żagħżugħ li huma interessati li jidħlu f’dan is-settur iżda l-biża’ tal-bidla hi ostaklu. Għalhekk jeħtieġ li dawn iż-żgħażagħ jingħataw art biex jaħdmu l-prodotti.

Ivan Castillo qal li diversi lukandi u ristoranti qed jimportaw prodotti minn barra minħabba li ċertu prodotti Maltin mhux adegwati għal dan is-settur propju minħabba li l-bdiewa m’għandhomx l-apparat meħtieġ. Hu tkellem dwar id-diġitilazzjoni u l-intelliġenza artifiċjali f’dan is-settur u qal li l-bdiewa għandhom ikunu mgħejjuna biex jibbenefikaw minn dawn l-inizjattivi.

Id-deputat Nazzjonalista qal li għandu jkun hemm inċentivi biex il-bdiewa jingħaqdu f’iktar kooperattivi. Dwar il-pitkalija, Ivan Castillo qal li l-ħaddiema tal-pitkalija m’għandhomx ġurnata frank għaliex il-ħinijiet mhux adwgwati.

Għandu jkun ikkunsidrat jekk dawn il-ħinijiet humiex legali, sostna Ivan Castillo, li tkellem dwar t-tbatija li hemm fil-pitkalija fejn il-ħaddiema qed jerfgħu kaxxi tqal ħafna. Id-deputat Nazzjonalista qal li l-ħaddiema qed jerfgħu kaxxi tqal ħafna li huma id-doppju tat-23 kilo li hu stabbilit skont ir-regoli.