Mark Anthony Sammut, PN
Id-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut qal fil-parlament li l-gvern neħħa ċ-ċensura fejn kien konvenjenti u popolari u żieda fejn dan id-dritt tal-libertà tal-espressjoni ma kienux espressjonijiet li jogħġbu lill-gvern; “il-gvern qed ikun ipokrita fejn tidħol iċ-ċensura u l-libertà tal-espressjoni”.
Fil-parlament Mark Anthony Sammut qal li xi ħadd jinsulta, jew joffendi, hija materja ta’ mal-edukazzjoni u mhumiex materji ta’ pulizija jew tal-Qrati, sakemm dejjem ma jinqabżux il-limiti tal-inċitament għal mibegħda jew vjolenza.
Ma għandhomx la jkunu reat u lanqas kontravenzjoni jew reat, mhux biss waqt espressjoni artistika, imma dejjem u għal kulħadd, sostan d-deputat Nazzjonalista, li kompla li jekk tagħżel li ma tkunx rispettuż, jew edukat, u tinsulta anke fejn mintix ġustifikat, imbagħad tkun is-soċjetà li għandha dritt tagħżel li tiġġudikak ta’ bniedem pastaż, maledukat u m’għandekx min-nies.
Hu kompla li m’għandhomx jinħlew ir-riżorsi tal-pulizija u tal-qrati, fuq l-insulti, meta hemm nuqqas ta’ riżorsi, dwar reati gravi li l-pulizija m’għandhiex riżorsi biex tinvestiga, dwar kawżi kbar li l-qorti ddum snin biex taqta’ l-kawżi.
Meta Sean Buhagiar, Matt Bonanno, Daniel Xuereb, jiġu mressqa b’reat, li insultaw lil persuna oħra, mhux l-espressjoni artistika tagħhom biss qed tiġi mhedda. Imma d-dritt fundamentali tagħhom bħala bnedmin, sostan d-deputat Nazzjonalista.
Filwaqt li din l-emenda tagħmel pass ‘il quddiem, biex tipproteġi l-espressjoni artistika, ma tagħmilx biżżejjed biex tiggarantixxi li l-liġijiet ma jkunux meqjusa anti-kostituzzjonali u bi ksur anke tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sostna Mark Anthony Sammut.
Hu kompla li hawn min jgħid li l-pulizija obbligati li la sarilhom rapport, iridu jressqu. “Ma naqbilx, u mhux biss ma naqbilx, allaħares huwa hekk”, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li l-pulizija obbligati jinvestigaw ir-rapport, mhux iressqu.
“Wisq nibża’ li neħħejna ċ-ċensura fejn kien konvenjenti u popolari nneħħuha u żidnieha fejn dan id-dritt tal-libertà tal-espressjoni ma kienux espressjonijiet li jogħġbu lil dan il-gvern”, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li l-gvern qed ikun ipokrita fejn tidħol iċ-ċensura u l-libertà tal-espressjoni.
Il-fatti huma li l-Awtorità tax-Xandir u l-PBS instabu ħatja mill-Qorti Kostituzzjonali mhux biss li ma kienux imparzjali, mhux biss li kisru d-dritt fundamentali tal-PN li jwassal il-veduti tiegħu, imma li kissru d-dritt fundamentali tal-poplu li jirċievi idejat u tagħrif mingħajr indħil, anke ideat u tagħrif li intom fil-Gvern ma taqblux magħhom.
Il-Gvern jirrifjuta u jiġġieled biex ma jweġibx it-talbiet li jsiru taħt l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni. Fl-anti-slapp legislation u fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet kollha tal-injesta pubblika biex ikun prottett il-ġurnaliżmu u l-aċċess għall-informazzjoni, il-gvern mhux m’għamel xejn, talli meta l-PN ħa l-inizjattiva u għamel xogħol il-gvern, l-istess gvern ivvota kontra.
Hu qal li hi ipokrezija tal-gvern li illum jilgħabha tad-difensur u tal-paladin tal-libertà tal-espressjoni, imma l-Ministru Owen Bonnici huwa l-unika ministru tal-Gvern li qatt instab ħati mill-Qorti Kostituzzjonali li kiser id-dritt fundamentali tal-libertá tal-espressjoni, mhux darba, mhux darbtejn, imma aktar minn 500 darba meta għal aktar minn sena, kuljum kien iqabbad lill-ħaddiema jżarmaw mafkar li bih in-nies kienu jesprimu l-luttu, it-tifkira tagħhom ta’ ġurnalista assassinata.
Il-Qorti qalet lill-Ministrru li ma temmnux meta qal li hu għamel hekk biex tieħu ħsieb il-monument. Il-Qorti qaltlu li kisert dan id-dritt fundamentali b’pika. Bħat-tfal żgħar; il-Ministru Bonnici ħoloq il-firda u d-diviżjoni fil-pajjiż. Il-Qorti ddikjarat li l-Ministru Bonnici pprova jiċċensura l-messaġġ u l-espressjoni ħielsa.
Id-deputat Nazzjonalista qal li bla mistħija ta’ xejn, mhux biss il-Ministru Bonnici baqa’ fil-poter, imma agħar minn hekk il-Prim Ministru, tah ir-responsabbiltá tax-Xandir Pubbliku, fejn ukoll issa reġa’ hemm sentenza li dan ix-xandir li hu responsabbli minnu qed jerġa’ jikser dan l-istess dritt.
Il-Ministru Bonnici mhux biss ipprova jiċċensura l-messaġġ tal-protestanti, li kienu qed ifakkru l-assassinju ta’ ġurnalista, imma kien parti minn Gvern, flimkien mal-Ministru Byron Camilleri li qed iressaq din il-liġi miegħu, il-Prim Ministru u d-Deputat Prim Ministru, u ħafna oħrajn fil-parlament, Gvern li nstab ħati b’kompliċità f’dan l-asssassinju minn inkjesta pubblika, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li mhemmx att aktar attroċi kontra l-libertà tal-espressjoni minn assassinju ta’ ġurnalista.
Hemm tara kemm il-libertà tal-espressjoni, tinqdew biha biss fejn hu konvenjenti, imma meta ma jaqblilkomx, tagħżlu li tiċċensuraw, li ssikktu, li taħbu, sostna Mark Anthony Sammut.
Hu qal li jittama li bħalma l-gvern, kellu l-kuraġġ jagħmel bidliet importanti u kuraġġużi fejn tidħol iċ-ċensura artistika, jkollu l-kuraġġ jagħmel bidliet importanti u kuraġġużi li jiggarantixxu d-drittijiet kostituzzjonali u individwali ta’ kull ċittadin, drittijiet li huma fundamentali għax huma tagħna mill-fatt waħdu li aħna bnedmin.
Nittama li bħalma pinġejtu ruħkom ta’ eroj tal-libertà tal-espressjoni meta din kienet favorevoli, tkunu eroj tal-libertà tal-espressjoni anke meta din tkun kontra dak li temmnu u taħsbu. Għax hemm joħroġ kemm il-libertà tal-espressjoni hi vera għal qalbek; meta tkun lest tiddefendi sal-mewt id-dritt ta’ ħaddieħor li jwassal messaġġ jew espressjoni li int ma taqbilx magħha, sostna Mark Anthony Sammut.
Hu qal li l-gvern hemm juri, kemm hu vera jemmen fil-libertà tal-espressjoni; s’issa, f’dan l-aspett, ir-record ta’ dan il-Gvern ifalli… u jfalli bil-kbir.
//= $special ?>