Lokali

Il-Kummissjoni Ewropea tikkonferma li s-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna kompliet sejra lura – PN

Il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard ma jistax jibqax ċass quddiem is-sitwazzjoni gravi

F’rapport ippubblikat illum dwar is-saltna tad-dritt fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea kkonfermat li s-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna kompliet sejra lura. Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni Ewropea qalet li l-kwalità tas-sistema tal-ġustizzja f’Malta qed tbati minn nuqqas kbir ta’ riżorsi b’mod partikolari fir-riżorsi umani allokati biex jassistu lill-Imħallfin u lill-Maġistrati ta’ pajjiżna.

Dan ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea jikkonferma l-kritika ġusta tal-Partit Nazzjonalista dwar kif il-Gvern qed iħalli tiggrava s-sitwazzjoni tas-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna. Din is-sitwazzjoni mhix aċċettabbli f’soċjetà mibnija fuq is-saltna tad-dritt u qed tikser id-dritt taċ-ċittadini li jkollhom aċċess għall-ġustizzja.

Fi stqarrija, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Karol Aquilina, appella lill-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard biex ma jibqax ċass quddiem din is-sitwazzjoni gravi. Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista isejjaħ mill-ġdid għal azzjoni immedjata mill-Ministru biex jiżgura li b’mod immedjat, il-qrati ta’ pajjiżna jkollhom ir-riżorsi umani u finanzjarji kollha meħtieġa ħalli kull imħallef u maġistrat ikun jista’ jaqdi d-doveri tiegħu b’mod effettiv u fi żmien raġonevoli.

Il-Kummissjoni Ewropea ġibdet l-attenzjoni wkoll għall-fatt li minkejja li issa għaddew sentejn mill-pubblikazzjoni tar-rapport dwar l-inkjesta dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, sal-lum il-gvern għadu ma ħa l-ebda azzjoni biex il-ġurnalisti jkunu jistgħu jaħdmu fil-libertà sħiħa u mingħajr periklu. Dan jikkonferma li Robert Abela u l-gvern immexxi minnu jridu jnessu l-memorja u l-investigazzjonijiet ta’ Daphne Caruana Galizia u qed jibqgħu jitrattaw lill-ġurnalisti bħala l-għadu tagħhom, filwaqt li jibqgħu jfixkluhom fil-qadi ta’ dmirijiethom f’kull okkażjoni.

“Hu skandaluż li wara aktar minn sitt snin minn meta ġew żvelati l-Panama Papers, Joseph Muscat, Konrad Mizzi, Keith Schembri u dawk kollha involuti f’każi ċari ta’ korruzzjoni baqgħu ma tressqux quddiem il-ġustizzja.”