Il-Partit Nazzjonalista jaqbel b’mod unanimu mal-Abbozz ta’ Liġi biex tkompli tissaħħaħ il-libertà tal-espressjoni artistika u jressaq emendi biex isaħħaħ il-Liġi
Il-Partit Nazzjonalista jaqbel b’mod unanimu mal-Abbozz ta’ Liġi biex tkompli tissaħħaħ il-libertà tal-espressjoni artistika biex ikun assigurat li l-libertà tal-espressjoni tal-artist tassew tkun waħda b’saħħitha u li biha tkun protetta u inċentivata l-kreattività tiegħu biex jimbotta l-konfini tal-ħsieb tradizzjonali madwar in-normi soċjali kif jeżistu llum.
Hekk sostniet id-Deputat Nazzjonalista Julie Zahra fejn spjegat li l-Partit Nazzjonalista jemmen bis-sħiħ li l-libertà tal-espressjoni artistika m’għandhiex tkun illimitata, maħnuqa jew mhedda, iżda trid tkun meqjusa propju għal dak li hi, jiġifieri espressjoni ta’ artist, u ma tista’ qatt tittieħed litteralement u allura tkun evalwata bi kriterji li ma jirrispettawx dan. Dan għaliex, anke kif jitlob il-Kunsill tal-Ewropa, kwalunkwe restrizzjoni fuq il-libertà artistika taffettwa lis-soċjetà b’mod sħiħ għax ikun imminat il-pluraliżmu u l-forma ħajja tal-proċess demokratiku tagħha.
Il-Partit Nazzjonalista, kif jaqblu l-artisti stess, jemmen li l-liberta’ tal-espressjoni mhix dritt assolut u għalhekk ma tistax tmur kontra l-iskop tal-arti stess. Dan għax l-artist stess hu konxju tal-ispazju tiegħu u li meta dak li qed jagħmel ikun ta’ ħsara diretta lil persuni oħra, ikun qasam linja li mill-arti tieħdu lejn l-aggressjoni u li l-artist stess, li fil-maturità u l-professjonalità tiegħu dan ma jittollerahx.
Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jaqbel li din il-libertà tal-espressjoni artistika tittieħed fil-kuntest tagħha u, għax mhix assoluta, għandha jkollha l-eċċezzjonijiet tagħha.
Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ dan, filwaqt li jaqbel b’mod unanimu mal-Abbozz ta’ Liġi, biex tkun aktar inklussiva, il-Partit Nazzjonalista ressaq żewġ emendi:
1. Minflok ma l-libertà tal-espressjoni artistika tkun illimata għal “espressjoni artistika, satirika jew komika”, tingħata definizzjoni aktar wiesa’ u għalhekk tkun estiża għal “espressjoni artistika jew kulturali ta’ kull xorta”.
2. Minflok ma l-espressjoni artistika tkun imħarsa sakemm din “ma tkunx tinkludi theddid kredibbli u realistiku għall-libertà jew għas-sigurta personali tal-kwerelant jew għall-propjetà tiegħu”, din trid tkun deliberalment intiża biex twassal għal theddid kredibbli u realistiku lejn il-persuna, il-ksur tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tiegħu jew li jikkostitwixxu ksur ta’ kwalunkwe reat li jkun deliberalment intiż bil-ħsieb li jqajjem mibegħda jew vjolenza kontra xi persuna oħra jew grupp ta’ persuni fuq bażi ta’ ġeneru, identità tal-ġeneru, orjentazzjoni sesswali, razza, kulur, lingwa, oriġini etnika, età, diżabbiltà, reliġjon jew twemmin jew opinjoni politika jew opinjoni oħra.
Dawn l-emendi huma importanti biex ma jkunx hemm lok għal interpretazzjoni wiesa’ u fejn l-att li jista’ jikkostitwixxi reat irid ikun sar deliberalment u bi ħsieb u mhux f’kuntest artistiku jew kulturali.
Il-Gvern għandu jressaq mingħajr aktar dewmien il-mozzjoni tal-Partit Nazzjonalista biex il-Kostituzzjoni ta’ Malta tiddikjara f’Artikolu 8 li l-Istat għandu jġib ‘il quddiem l-iżvilupp tal-arti wkoll biex b’hekk, l-Istat ikun qed jagħti sinjal ċar lill-artist li verament qed jingħata l-apprezzament u d-dinjità li jistħoqqlu.
Minbarra dan, il-Partit Nazzjonalista jisħaq li d-dritt tal-libertà tal-espressjoni jinkludi wkoll id-dritt li tirċievi l-informazzjoni mingħajr indħil minn xi awtorità jew mill-Gvern u għalhekk, jeħtieġ li fost l-oħrajn ma jkunx hemm żbilanċ jew ċensura mix-xandir pubbliku, kif sabet kemm-il darba l-Awtorità tax-Xandir, li l-Gvern iwieġeb għall-Mistoqsijiet Parlamentari mid-Deputati tal-Partit Nazzjonalista u li jdaħħal emendi leġislattivi favur l-anti-SLAPP biex jgħin lill-ġurnalisti jagħmlu xogħolhom.
//= $special ?>