Lokali Parlament

Il-libertà tal-espressjoni artistika m’għandhiex tkun limitata, maħnuqa jew mhedda

Julie Zahra, PN

Id-deputat Nazzjonalista Julie Zahra qalet fil-parlament li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista taqbel b’mod unanimu mal-abbozz ta’ liġi biex tkompli tissaħħaħ il-libertà tal-espressjoni artistika biex nassiguraw li l-libertà tal-espressjoni tal-artist tassew tkun waħda b’saħħitha u li permezz tagħha jkun protett u tinċentiva l-kreattivita’ tiegħu biex jimbotta l-konfini tal-ħsieb tradizzjonali madwar in-normi soċjali kif jeżistu llum.

Julie Zahra sostniet li l-PN jemmen bis-sħiħ li l-libertà tal-espressjoni artistika m’għandiex tiġi limitata, maħnuqa jew mhedda u trid tiġi meqjusa propju għal dak li hi; espressjoni ta’ artist u ma tista’ qatt tittieħed litteralement u allura tiġi evalwata bi kriterji li propju ma’ jirrispettawx dan. Dan għaliex anki kif titlob il-Kunsill tal-Ewropa, kull restrizzjoni fuq il-libertà artistika teffettwa lis-soċjetà b’mod sħiħ għaliex jiġi mminat il-pluraliżmu u l-forma ħajja tal-proċess demokratiku tagħha.

 Hi qalet li naturalment, kif jaqblu l-artisti stess, il-libertà tal-espressjoni, mhijiex dritt assolut u għalhekk ma tistax tmur kontra l-iskop tal-arti stess. Dan għaliex l-artist stess hu konxju tal-ispazju tiegħu u li meta dak li qed jagħmel jagħmel ħsara diretta lil persuni oħra, jkun qasam linja li mill-arti tieħdu lejn l-aggressjoni u li l-artist stess, li fil-maturita’ u professjonalita’ tiegħu dan ma jittolleraħx. Għalhekk l-Oppożizzjoni taqbel li l-libertà tal-espressjoni artistika gġandha tittieħed fil-kuntest tagħha u għaliex mhijiex assoluta għandu jkollha l-eċċezzjonijiet tagħha.

Fil-kuntest ta’ dan għalhekk, filwaqt għalhekk li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista taqbel b’mod unanimu mal-abbozz ta’ liġi, sbiex tkun aktar inklussiva, l-istess Oppożizzjoni ressqet żewġ emendi.

L-ewwel emenda hi biex minflok il-libertà tal-espressjoni artistika tiġi ilimata għal ‘espressjoni artistika, satirika jew komika’ tingħata definizzjoni aktar wiesa’ u għalhekk tiġi estiża għal ‘espressjoni artistika jew kulturali ta’ kull xorta.’

It-tieni emenda hi biex minflok ma l-espressjoni artistika trid tkun imħarsa sakemm din ‘ma tkunx tinkludi theddid kredibbli u realistiku għall-libertà jew għas-siġurtà personali tal-kwerelant jew għall-proprjetà tiegħu’ din trid tkun deliberalment intiża biex twassal għal theddid kredibbli u realistiku lejn il-persuna, il-ksur tad-drittijiet u libertajiet fundamentali tiegħu jew li jikkostitwixxu ksur ta’ kwalunkwè reat li jkun deliberalment intiż bil-ħsieb li jqajjem mibegħda jew vjolenza kontra xi persuna oħra jew grupp ta’ persuni fuq bażi ta’ ġeneru, identità tal-ġeneru, orjentazzjoni sesswali, razza, kulur, lingwa, oriġini etnika, età, diżabilità, reliġjon jew twemmin jew opinjoni politika jew opinjoni oħra.

Julie Zahra qalet li dawn l-emendi huma importanti biex ma jkunx hemm lok għal interpretazzjoni wiesa’ u fejn l-att li jista’ jikkostitwixxi reat irid ikun sar deliberalment u bi ħsieb u mhux f’kuntest artistiku jew kulturali.

Id-deputat Nazzjonalista sostniet li l-PN jittama li l-Gvern iressaq mingħajr aktar dewmien il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni biex il-Kostituzzjoni ta’ Malta tiddikjara f’Artikolu 8, li l-Istat għandu jġib ‘il quddiem l-iżvilupp tal-arti ukoll biex b’hekk l-Istat ikun qiegħed jagħti sinjal ċar lill-artist li qiegħed verament jingħata l-apprezzament u d-dinjità li jistħoqqlu.

Minbarra dan, sostniet Julie Zahra, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tisħaq li d-dritt tal-libertà tal-espressjoni jinkludi wkoll id-dritt li tirċievi l-informazzjoni mingħajr indħil minn xi awtorità jew Gvern u għalhekk jeħtieġ li fost l-oħrajn ma jkunx hemm żbilanċ jew ċensura mix-xandir pubbliku, kif sabet kemm il-darba l-Awtorità tax-Xandir, li l-Gvern iwieġeb għad-domandi parlamentari tal-Oppożizzjoni fil-Parlament u li jdaħħal emendi leġislattivi favur l-anti-SLAPP biex jgħin lill-ġurnalisti jagħmlu xogħlhom.