Lokali

Il-pjazza tal-Mosta se tingħalaq kompletament

Bdejna xahar ieħor, u s-sitwazzjoni diżastruża fil-Mosta għadha ma ssolvietx.

Mhux talli ma ssolvietx, talli fl-aħħar sigħat, il-Kunsill Lokali tal-Mosta flimkien ma’ Infrastructure Malta ħabbru illi mill-Ħamis ser tingħalaq il-pjazza kompletament – għajr għal dawk li ġejjin mid-direzzjoni ta’ Burmarrad.

Sa issa, ir-residenti u s-sidien tal-ħwienet m’għandhomx ħjiel sa meta mistennija jitlestew ix-xogħlijiet fil-pjazza tal-Mosta. Dan għaliex filwaqt illi f’post partikolari l-awtoritajiet ħabbru li x-xogħolijiet mistennija jdumu sa l-aħħar tax-xahar ta’ Lulju, f’post ieħor fuq il-media socjali qalu li x-xogħlijiet mistennija jkomplu sakemm jinħareġ avviż ieħor.

Dan qajjem frustrazzjoni u tħassib kbir fost ir-residenti Mostin – apparti l-fatt li s-sitwazzjoni preżenti mhix waħda ta’ sempliċi skumdità, iżda anke ta’ periklu.

Din il-ġimgħa stess, anzjana spiċċat sofriet ġrieħi minħabba x-xogħolijiet fil-pjazza tal-Mosta – l-aħħar vittma fost 15-il persuna li weġgħu f’dawn l-aħħar ġimgħat.

Ir-residenti Mostin ilhom xhur sħaħ jisħqu dwar in-nuqqas ta’ sigurtà fil-pjazza tal-Mosta minħabba x-xogħlijiet li qed isiru mingħajr prekawzjonijiet ta’ xejn. Dan hekk kif inqalgħu l-bankini mingħajr ma tpoġġew passaġġi adekwati għall-mijiet ta’ nies li jiffrekwentaw iż-żona.

Ix-xogħlijiet li qed isiru f’diversi toroq prinċipali fil-Mosta ilhom ikaxkru għal diversi xhur. U sfortunatament, ħafna residenti qed isibuha dejjem aktar diffiċli biex joħroġu minn djarhom, u n-nuqqas ta’ parkeġġ qiegħed iżid il-frustrazzjoni qalb il-Mostin – kif jixhdu dawn il-kummenti.

Il-pjazza tal-Mosta jgħaddu minnha ammont enormi ta’ karozzi u hija frekwentata minn mijiet ta’ nies li ta’ kuljum imorru l-knisja, iżuru l-ħwienet li hemm fil-madwar, il-poliklinika, l-uffiċċju postali, l-uffiċċju tal-Kunsill, u l-għassa tal-pulizija fost oħrajn. Dan apparti hafna turisti li jzuru dan ir-raħal.

Għaldaqstant, l-appell tal-Mostin lill-Gvern huwa ċar – hemm bżonn kordinament ferm aħjar, sabiex ix-xogħolijiet isiru b’mod sigur, u b’pass aktar mgħaġġel.