Lokali Qorti

Il-Qorti tiċħad it-talba ta’ Joseph Muscat biex il-maġistrat Vella tiġi sospiża mill-inkjesta tal-Vitals

Talba mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat biex il-Maġistrat Gabriella Vella tiġi sospiża milli tkompli taħdem fuq l-inkjesta dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet sakemm tittieħed deċiżjoni f’każ ta’ ksur tad-drittijiet ġiet miċħuda mill-Qorti.

Il-Prim Awla tal-Qorti preseduta mill-Imħallef Doreen Clarke ċaħdet ukoll it-talba ta’ l-eks Prim Ministru Joseph Muscat biex il-kawża biex tneħħi lill-Maġistrat Gabriella Vella milli tmexxi l-inkjesta tat-tliet sptarijiet tinstema’ b’urġenza.

Il-Qorti fil-ġurisdizzjoni tagħha ta’ Qorti Kostituzzjonali ċaħdet ukoll it-talba għal hekk imsejjħa miżura interim biex titwaqqaf l-inkjesta maġisterjali mill-Maġistrat Vella u li din tibda tinstema’ minn ġudikant ieħor.

Kienet miċħuda wkoll it-talba ta’ Repubblika biex tkun tagħmel parti mill-kawża. Muscat f’ rikors li ressaq kontra l-Avukat tal-Istat talab li l-inkjesta dwar il-ftehim tal-isptarijiet tgħaddi lil maġistrat ieħor, “li jkun oġġettivament u suġġettivment imparzjali”. Il-każ issa se jipproċedi fuq il-merti.

Muscat qed jikkontendi li: “il-fajl juri biċ-ċar li l-Maġistrat Vella ma tistax tkompli tmexxi din l-inkjesta minħabba żvelar kontinwu, inkluż mill-investigaturi tagħha, għax għal aktar minn sena ma semgħetx mit-talbiet numerużi tiegħu biex hu jixhed, u li ma tagħtux id-dritt legali li jwieġeb, kif ukoll għax ma rrikużatx ruħha fuq il-bażi tal-kummenti pubbliċi fuq il-mertu tal-każ mill-qraba tagħha.

Il-Maġistrat Vella kienet ċaħdet it-talba ta’ Muscat biex tirrikuża ruħha u fejn hi qed imexxi l-inkjesta li qed tħares lejn korruzzjoni possibbli fil-proċess ta’ privatizzazzjoni tat-tliet sptarijiet. Il-ġurnal ‘The Times of Malta’ kienet irrapporta f’Mejju li l-investigaturi qed ifittxu l-kontijiet bankarji u d-dikjarazzjonijiet tad-dħul ta’ Muscat.

Kienet qalet li fost affarijiet oħra, li l-investigaturi jissuspettaw li kuntratt wieħed ta’ konsulenza mal-kumpanija Żvizzera SpringX Media, li ġabret lil Muscat €60,000, seta’ jintuża bħala mezz biex jaħbi l-ħlasijiet mill-ftehim “frawdolenti” tal-isptarijiet.

Muscat kien ċaħad li wettaq xi nuqqasijiet u qal li d-dħul kien minn xogħol leġittimu, u kompla jsostni dak iż-żmien li m’hemm l-ebda investigazzjoni dwar il-finanzi tiegħu, u li sa fejn jaf, l-inkjesta kienet qed teżamina l-kuntratt tiegħu ma’ SpringX Media.

Għal Joseph Muscat qed jidher l-Avukat Charlon Gouder, għal Repubblika qed jidher l-avukat Jason Azzopardi u l-Avukat James D’Agostino f’isem l-Avukat tal-Istat. Il-kawża se tkompli nhar il-Ħamis, 20 ta’ Lulju fid-9am.