Sport Waterpolo

Ivovic fenomenali fir-rebħa ta’ Neptunes kontra r-rivali … Valletta fil-Kampjonat Premier

(Ritratt: Joseph Galea)

Rapport: Stewart Said

SLIEMA FRANK SALT…………. 11

NEPTUNES VIDEOSLOTS…… 12

(3-2), (3-4), (1-2), (4-4)

Aleksandar Ivovic kien strumentali biex għen lil Neptunes Videoslots jirbħu l-ewwel konfront dirett tal-istaġun. Partita mill-isbaħ li kienet aggressiva imma mhux kattiva, b’Sliema jpattu qares li tilfu vantaġġ tajjeb fit-tieni sessjoni. Wieħed ma jistax ma jirrimarkax il-livell għoli tal-erba’ barranin fl-ilma.

Vantaġġ doppju għal Sliema fl-ewwel sessjoni permezz tal-plejers barranin Dmitrii Kholod u Andrija Prlainovic. Neptunes irkupraw b’żewġ gowls mill-barranin tagħhom jiġifieri Filip Filipovic u Aleksandar Ivovic sakemm Dino Zammit ħalla lil Sliema minn fuq fi tmiem l-ewwel sessjoni.

Il-logħba dehret li setgħet tmur fid-direzzjoni tajba għal Sliema fit-tieni sessjoni. Huma ħasdu lill-avversarji u ħadu vantaġġ ta’ 6-2. Madankollu minkejja li dehru taħt xokk, Neptunes immexxija mill-plejers barranin, irnexxielhom jirkupraw l-iżvantaġġ sa tmiem it-tieni sessjoni b’gowl isbaħ mill-ieħor.

Fit-tielet sessjoni, Neptunes marru fil-vantaġġ għall-ewwel darba. Għal darba oħra protagonisti Ivovic u Filipovic li poġġewhom 8-6 minn fuq. Reazzjoni immedjata minn Sliema li naqqsu d-distakk għal gowl permezz ta’ Kholod.

Sliema rnexxielhom jieħdu vantaġġ ta’ 10-9 sa nofs l-aħħar sessjoni iżda Neptunes kienu pronti fl-aħjar ħin biex ikkastigawhom. F’anqas minn żewġ minuti skorjaw tliet darbiet permezz ta’ Stevie Camilleri, Jake Muscat u Aleksandar Ivovic. Kien inutli l-penalty lejn it-tmiem ta’ Kholod.

Sliema: N. Grixti, J. Gabarretta, L. Galea, J. Gambin, Z. Mizzi, B. Cachia, J. Cutajar, M. Mifsud, J. Brownrigg, D. Kholod (6), A. Prlainovic (4), D. Zammit (1), A. Bugeja, E. Schembri

Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat (1), S. Gialanze, M. Castillo, J. Bajada, S. Camilleri (2), J. Camilleri, A. Ivovic (6), F. Filipovic (3), A. Fenech, E. Mallia, M. Rossi, D. Bugeja, A. Fava

Referees: Attilio Paoletti, Massimo Angileri

Valletta jirritornaw fil-Kampjonat Premier

BIRŻEBBUĠA FREEPORT…….. 11

VALLETTA IZIBET………………… 12

(3-3), (4-4), (3-3), (1-2)

Valletta Izibet aċċertaw minn post fil-Kampjonat Premier wara nuqqas ta’ staġun. F’logħba mill-isbaħ u li baqgħet inċerta sal-aħħar għelbu lil Birżebbuġa Freeport f’konfront dirett, b’Ivan Nagaev protagonist għal Valletta.

Il-vantaġġ tul il-konfront inbidel diversi drabi. Kieyan Borg kien poġġa lil Valletta 3-2 fil-vantaġġ sakemm David Cutajar ġab id-draw eżatt qabel tmiem l-ewwel sessjoni. Fit-tieni sessjoni, Nagaev wieġeb darbtejn għall-gowls ta’ Balasz Erdelyi u fit-tieni parti tas-sessjoni, kienu Birżebbuġa li wieġbu darbtejn wara li Valletta kienu ħadu l-vantaġġ.

Giuseppe Mannino tefa’ lil Birżebbuġa 8-7 fil-vantaġġ fit-tielet sessjoni sakemm Valletta dawru r-riżultat u marru 10-8 minn fuq. Iżda fl-aħħar minuta u nofs Birżebbuġa kkanċellaw id-differenza b’gowls ta’ Darko Brguljan u Erdelyi.

L-aħħar sessjoni li kienet dik deċiżiva rat lil Valletta jerġgħu jieħdu l-vantaġġ minn Nagaev iżda Brguljan ġab id-draw minuta wara. Andrija Vlahovic għamilhom 12-11 favur Valletta bi tliet minuti għat-tmiem. Birżebbuġa pruvaw l-aħħar sforzi tagħhom u lejn it-tmiem marru viċin darbtejn permezz ta’ Brguljan iżda l-ewwel kienet il-lasta u wara Benji Busuttil li ċaħħdu lill-Montenegrin mill-gowl li kien ifisser post fil-Kampjonat Premier.

Birżebbuġa: M. Sladden, P. Borg, N. Cassar, B. Grech, D. Brguljan (3), M. Manara, D. Cutajar (1), B. Erdelyi (3), K. Tanti, G. Mannino (2), M. Curmi, C.D. Borg, J. Sciberras (2), D. Farrugia

Valletta: B. Busuttil, J. Spiteri Staines (1), D. Rizzo, J. Cassar, S. Busuttil, A. Vlahovic (3), D. Paolella, I. Nagaev (6), S. Micallef, A. Agius, K. Borg (2), K. Cremona, A. Theuma, M. Demarco, J. Chircop

Referees: Tiziano Petrini, Alex de Raffaele

Ebda diffikultà għal San Ġiljan

SAN ĠILJAN JP PROJECTS……. 18

SIRENS…………………………………… 11

(4-1), (6-2), (3-3), (5-5)

San Ġiljan JP Projects temmew Grupp B tal-Fażi Preliminari b’punti massimi. Huma rnexxielhom iżommu mal-aspettattiva u għelbu lil Sirens 18-11 f’partita li qatt ma dehru li setgħu jitilfu.

San Ġiljan ħadu vantaġġ doppju fl-ewwel nofs tal-ewwel sessjoni u kabbru d-distakk għal 4-1 sa tmiem is-sessjoni b’gowls taż-żewġ xellugin Maro Jokovic u Nikolai Zammit.

Il-Ġiljaniżi pruvaw darbtejn ikabbru d-distakk għal erba’ gowls iżda Sirens irrispondew mill-ewwel. Madankollu fl-aħħar żewġ minuti tat-tieni sessjoni, San Ġiljan skorjaw erbgħa mingħajr risposta u permezz tal-vantaġġ ta’ 10-3 għalqu l-logħba.

Fl-aħħar żewġ sessjonijiet, it-tim ta’ Zeljko Kovacic kellu ċ-ċans li jikkontrolla l-logħba mingħajr diffikultà. Sirens irnexxielhom tal-anqas iwieġbu għall-gowls tal-avversarji li naqqsu xi ftit ir-ritmu tagħhom biex anki naqqsu d-danni

San Ġiljan: J. Tanti, K. Calleja, A. Galea, B. Plumpton (3), M. Jokovic (3), M. Zammit (4), J. Bonavia (2), A. Younger (2), J. Abela, N. Zammit (3), D. Zammit (1), R. Caruana, G. Borg, G. Bonavia, N. Bonavia

Sirens: T. Micallef, P. Serracino, K. Erdogan (1), P. Figlioli (1), J. Zerafa Gregory (2), G. Farrugia (3), M. Chircop, G. Melillo (1), M. Cutajar, M. Pasztor, M. Sciberras (1), M. Azzopardi (2), M. Bonello Dupuis, J. Cachia, G. Sammut

Referees: Attilio Paoletti, Peter Balzan

Grupp Preliminari

Grupp A

                   L       R       D       T       F       K       Pti

San Ġiljan   5        5        0        0        108    49      15

Sirens          5        4        0        1        80      49      12

Marsaskala  5        2        1        2        69      58      7

Marsaxlokk 5        2        1        2        76      76      7

Exiles          5        1        0        4        54      71      3

Barracudas  5        0        0        5        43      127    0

Grupp B

                   L       R       D       T       F       K       Pti

Neptunes     5        5        0        0        88      36      15

Sliema         5        4        0        1        69      44      12

Valletta        5        3        0        2        61      64      9

Birżebbuġa  5        2        0        3        63      61      6

Ta’ Xbiex    5        0        1        4        42      77      1

Otters          5        0        1        4        37      78      1

*L-ewwel tliet timijiet minn kull grupp se jkomplu fil-Kampjonat Premier