Internazzjonali

Ix-Xatt tal-Punent: Jum ta’ rabja u funerali f’Jenin…b’din il-belt qed tirritorna għall-kalma wara r-rejds

L-uffiċjali Palestinjani fix-Xatt tal-Punent qed jikkalkulaw l-impatt tar-rejd kbir li l-qawwiet Iżraeljani konċentraw fuq il-militanti fil-kamp ta’ Jenin għar-refuġjati u li għandu jħalli konsegwenzi sinifikanti għar-residenti fit-territorju.

Il-qawwiet Iżraeljani issa rtiraw minn Jenin biex ħallew lill-Palestinjani litteralment jiġbru l-biċċiet wara jumejn ta’ battalji intensivi u bla heda…Battalji li fihom inqerdet kważi kompletament l-infrastruttura tal-kamp.

Il-militar Iżraeljan fisser l-azzjoni bħala waħda speċifika kontra t-terroristi li ffurmaw il-bażijiet qalb ir-refuġjati fil-kamp ta’ Jenin. Iżda l-Ministeru Palestinjan għall-Affarijiet Barranin tenna li Iżrael qed imexxi ‘gwerra miftuħa u totali kontra l-poplu f’Jenin’.

L-Armata ta’ Iżrael bdiet ir-rejd – fost l-akbar għal snin fl-inħawi – b’sensiela ta’ attakki bid-drones fuq l-hekk-imsejjaħ centru tal-kmand tal-Brigati ta’ Jenin – taqsima magħmulha mill-ġellieda ta’ diversi gruppi ta’ militanti Palestinjani, fosthom il-moviment Iżlamiku Hamas.

Dan waqt li mijiet ta’ suldati Iżraeljani daħlu fil-kamp ta’ Jenin fejn seħħew il-battalji ta’ sigħat mal-Palestinjani armati fl-inħawi. Il-kelliema Iżraeljani wara qalu li fir-rejd inħatfu kwantità ta’ armamenti li l-militanti kienu qed jippjanaw biex jużawhom għal attakki terroristi fl-ibliet ta’ Iżrael.

Sadanittant, tkellem il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu li tenna li pajjiżu se jagħmel minn kollox biex jeqred in-networks ‘tat-terroristi’ li qegħdin jheddu kontinwament liċ-ċivili Iżraeljani. Netanyahu wissa wkoll li r-rejd f’Jenin ma kienx ‘azzjoni ta’ darba’ fost indikazzjonijiet li l-qawwiet Iżraeljani jistgħu jiftħu fażi ġdida ta’ ostilitajiet f’każ ta’ suspett dwar tħejjija ta’ xi azzjoni terroristika kontra l-Iżraeljani.

Fl-aħħar sigħat, f’Jenin, eluf attendew għall-funerali tal-Palestinajni li nqatlu waqt il-ġied tal-aħħar jumejn mal-Iżraeljani. Dan fost konferma li mietu bejn tnax u ħmistax-il Palestinjan flimkien ma’ suldat Iżraeljan waqt il-battalji li faqqgħu nhar it-Tnejn u li konkludew matul il-lejl tat-Tlieta.

It-tensjoni fir-reġjun, intant, għadha f’livell akut  wara li l-qawwiet tal-ajru Iżraeljani, fis-sigħat bikrin tal-Erbgħa, attakkaw diversi zoni fil-Medda ta’ Gaza li huma kontrollati mill-militanti tal-Hamas, L-attakk seħħ wara li l-militanti f’Gaza kienu sparaw numru ta’ missili lejn il-villaġġi u l-ibliet Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera – u li mifhum li ma ħallewx il-vittmi.